Meta llum u għada tintlagħab is-37 ġurnata jew aħjar dik ta’ qabel l-aħħar tas-Serie A, l-attenzjoni tkun fuq il-leaders Napoli u Inter li jinsabu punt taħthom hekk kif għandhom partiti ferm delikati f’dan il-mument tant kruċjali. Huma se jaffrontaw lil Parma u lil Lazio rispettivament.
Minkejja li ċ-ċansijiet huma remoti, teżisti possibbiltá li Napoli jsiru champions jekk huma jegħlbu lil Parma filwaqt li Inter jitilfu kontra Lazio.
Ta’ nota huwa l-fatt li llum se tintlagħab partita waħda biss – dik bejn Genoa u Atalanta – filwaqt li l-kumplament tal-partiti se jintlagħbu għada fid-8.45 pm.
Inter v Lazio – Inter iridu jkunu fl-aqwa forma possibbli biex jegħlbu lil Lazio.
Il-pressjoni tinsab kollha fuqhom minħabba li li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.
It-team immexxi mill-coach, Simone Inzaghi, irid joqgħod attent mill-injuries konxju mill-fatt li fil-31 ta’ dan ix-xahar huma se jilagħbu l-finali tal-UEFA Champions League, kontra Paris St-Germain, fl-Allianza Arena ta’ Munich.
Iżda fl-istess waqt, huma jridu jkomplu japprofittaw miż-żelqa ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda ta’ Napoli meta f’darhom ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 biex Inter naqqsu d-distakk għal punt wieħed biss.
Min-naħa ta’ Lazio, rebħa hija imperattiva biex ikomplu jisfidaw għal post fil-UEFA Champions League fejn jittamaw ukoll li Juventus u Roma jfallu meta hemm post wieħed biss vakanti bejn dawn it- tliet timijiet.
Parma v Napoli – Wara d-draw ta’ 2-2 kontra Genoa, din id-darba Napoli ma jistgħux ifallu meta jmorru għand Parma li għandhom bżonn il-punti biex jeħilsu mir-relegazzjoni.
It-tliet punti huma fundamentali għat-team immexxi mill-coach, Antonio Conte, hekk kif din il-partita tista’ tiddetermina fejn se jmur it-titlu.
Minkejja li Parma jinsabu erba’ punti fuq iż-żona l-ħamra, xorta waħda huma kapaċi li jqumu għall-okkażjoni u jaħsdu lin-Naplitani.
Wara kollox huma għelbu lil Milan (2-1), lil Bologna (2-0), lil Lazio (3-1) u lil Juventus (1-0).
Roma v Milan – Dan huwa konfront mill-aktar interessanti bejn żewġ timijiet li ġejjin minn telfa.
Filwaqt li Roma sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-1 kontra Atalanta biex ħadu skoss qawwi fit-tentattiv li jtemmu fir-raba’ post, Milan ġejjin minn diżappunt kbir meta kontra kull mistenni sfaw megħluba fil-finali tal-Coppa Italia minn Bologna bl-iskor ta’ 1-0.
Roma jridu jirbħu bilfors filwaqt li jittamaw li Juventus u Lazio jiżolqu. Din hija sitwazzjoni għal Roma li l-kwalifikazzjoni ma tiddependix minnhom hekk kif bħalissa jinsabu punt inqas mill-istess Juventus u Lazio.
Wara li spiċċaw b’idejhom vojta, il-mira ewlenija ta’ Milan hija li jikkwalifikaw għall-UEFA Europa League.