Meta jonqos erba’ partiti biex jintemm il- Kampjonat Taljan, il-leaders Napoli u t-team li jinsab fit-tieni pożizzjoni, Inter, ikunu mpenjati f’partiti li fuq il-karta jibdew bħala favoriti.
Bla dubju, ninsabu fi stadju li ħadd minn dawn ma jista’ jwaqqa’ l-punti speċjalment Inter li qed tikber il-pressjoni fuqhom.
Lecce v Napoli – Napoli jmorru jilagħbu għand Lecce liema konfront jitqies bħala wieħed faċli kontra team li jinsab żewġ punti biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni u għaldaqstant f’periklu serju li staġun ieħor jilagħbu fis-Serie B.
Min-naħa tal-Partenopei, dawn għandhom l-għan li jibqgħu waħdehom fil-quċċata liema pożizzjoni kisbu ġimgħa ilu wara li Inter sfaw megħluba f’darhom minn Roma bl-iskor ta’ 1-0.
Għaldaqstant, Napoli jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom li min-naħa tagħhom jkunu qed jimmiraw għal xi sorpriża.
Iż-żewġ timijiet għandhom bosta players neqsin minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Lecce għandhom barra lil Medon Berisha, Nikola Krstovic, Tete Morente, Jeppe Corfitzen, Gaby Jean, Youssef Maleh, Filip Marchwinski u Joan Gonzalez.
Napoli ma jistgħux jinkludu lil Alessandro Buongiorno, A. Zambo Anguissa, Nikita Contini, Juan Jesus, David Neres u Jesper Lindstroem.
Inter v Verona – Wara d-draw impressjonanti ta’ 3-3 barra minn darhom kontra Barcelona, fl-ewwel leg tas-semi-finali tal-UEFA Champions League, Inter jinżlu b’moral għoli għal dan il-konfront kontra Verona li huma mistennija li jiksbu t-tliet punti.
Wieħed irid jgħid ukoll li Verona huma prattikament salvi minħabba li jinsabu tmien punti bogħod miż-żona l-ħamra hekk kif jidher li t-tliet timijiet ta’ Venezia, Empoli u Monza, staġun ieħor jilagħbu fis- Serie B, b’dawn tal-aħħar jistgħu jiġu kundannati proprju għada.
Barra minn hekk, teżisti possibbiltá wkoll li l-coach, Simone Inzaghi, iserraħ xi players minħabba li nhar it-Tlieta li ġej, jilagħbu t- tieni leg tas-semi-finali kontra Barcelona.
Bologna v Juventus – Dan huwa konfront dirett mill-aktar interessanti bejn żewġ timijiet li qed jissieltu biex jikkwalifikaw għall- UEFA Champions League.
Juventus jinsabu fir-raba’ post … punt aktar minn Bologna u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma’ tissodisfa l-kriterji ta’ dawn tal-aħħar.
Wieħed irid iqis ukoll li Bologna kapaċi jqumu għall-okkażjoni hekk kif f’dan l-istaġun huma għelbu lil Napoli u lil Inter.