Sunday, November 10, 2024

Serie A: Roma u Paulo Dybala jmorru għand Juventus

Aqra wkoll

Meta tkompli tintlagħab it-tielet ġurnata tal-Kampjonat Taljan, bla dubju, il-konfront bejn Juventus u Roma jisraq ix-xena meta jlaqqa’ żewġ ġganti bi storja kbira.

Juventus v Roma – Juventus jospitaw lil Roma f’dik li hija meqjus bħala l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa.

It-team immexxi minn Massimiliano Allegri ġej minn draw diżappuntanti ta’ 0-0 għand Sampdoria u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom minħabba li ma jaffordjawx iwaq­qgħu l-punti anke jekk għad­na fil-bidu tal-istaġun.

B’kuntrast, Roma għandhom punti massimi minn żewġ logħbiet hekk kif ġejjin minn żewġ rebħiet kontra Salernitana u Cremonese.

Se tkun logħba speċjali għal Paulo Dybala li se jirritorna fl-Allianz Sta­dium biex jilgħab kontra l-ex team tiegħu.

Wieħed irid jara kif se tkun il-merħba tal-partitarji minħabba li mhux kulħadd ħa t-tluq tal-attakkant Ar­ġentin fuq nota pożittiva. 

Dan minħabba li huwa ma laħaqx ftehim biex i­ġedded il-kuntratt tiegħu bejn għax ried salarju akbar u bejn li ma kienx qed jiġi utilizzat b’mod regolari.

Il-Bianconeri għandhom lista ta’ players imweġġgħin fosthom Paul Pogba, Angel di Maria, Federico Chiesa, Arthur u Wojciech Szczes­ny. Roma għandhom lil Ni­colo Zaniolo, Georginio Wijnaldum u Ebrima Darboe.

Milan v Bologna – Iċ- champions Milan jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ meta jilqgħu lil Bologna.

Dawn tal-aħħar kisbu biss punt minn żewġ logħbiet wara draw kontra Verona u telfa kontra Lazio.

Ir-Rossoneri rebħu l-ewwel partita kontra Udinese iżda ġew miżmuma minn Atalanta.

Iżda fuq il-karta huma jibdew favoriti li jieħdu t-tliet punti. Huma għandhom nieqes lil Rade Krunic filwaqt li Bologna ma jistgħux jagħmlu użu minn Riccardo Orsolini minħabba li ż-żewġ players qed jirkupraw minn injury. 

Fiorentina v Napoli – Napoli jilagħbu partita delikata barra minn darhom kontra Fiorentina.

Flimkien ma’ Inter u Roma, it-team immexxi minn Luciano Spalletti għandu punti massimi minn żewġ logħbiet u għaldaqstant qed jaqsam il-quċċata tal-klassifika.

Għall-Partenopei qed jis­pikka l-attakkant żagħżugħ minn Georgia, Khvicha Kvaratskhelia, li skorja tliet goals fiż-żewġ partiti u diġá hu meqjus bħala s-sorpriża u stilla tal-futur.

Spalletti ma jistax jinkludi lil Diego Demme  filwaqt li Fiorentina għandhom barra lil Gaetano Castrovilli u Igor minħabba li qed jirkupraw minn injury.

Sport