Meta llum u għada tintlagħab it-18-il ġurnata tas-Serie A, il-leaders Atalanta għandhom test mill-aktar diffiċli meta jmorru jilagħbu għand Lazio.
Min-naħa ta’ Napoli u Inter, iż-żewġ timijiet li jinsabu warajhom, jittamaw li l-Bergamaschi jiżolqu filwaqt li huma jaffrontaw lil Venezia u lil Cagliari rispettivament.
Lazio v Atalanta – Atalanta imorru fil-belt kapitali Taljana fejn jiltaqgħu kontra Lazio hekk kif jimmiraw li jirreġistraw it-12-il rebħa konsekuttiva.
Iżda huma jridu jkunu fl-aqwa forma possibbli konxji mill-fatt li Lazio huma avversarji mill-aktar diffiċli.
Fl-aħħar partiti, Atalanta kellhom jitħabtu biex għelbu lil Empoli bl-iskor ta’ 3-2 filwaqt li Lazio ġejjin minn rebħa ta’ 2-1 fuq Lecce wara telfa kbira ta’ 6-0 kontra Inter.
Il-Bergamaschi ma jistgħux jinkludu lil Matteo Retegui, Giorgio Scalvini u Gianluca Scamacca, li jinsabu mweġġgħin.
Lazio ma jistgħux jużaw lil Pedro, Tijani Noslin u Matias Vecino minħabba l-istess raġuni.
Cagliari v Inter – Iċ-champions Inter imorru fil-gżira ta’ Sardenja biex jaffaċċjaw lil Cagliari.
It-team immexxi mill-coach, Simone Inzaghi, irid jirkupra partita hekk kif jinsab tliet punti taħt il- leaders.
In-Nerazzurri baqgħu jżommu l-konsistenza u għaldaqstant jibqgħu sfidanti denji biex jiddefendu t-titlu.
Min-naħa l-oħra, Cagliari għadhom fiż-żona l-ħamra minħabba li jinsabu fit-tielet post mill-aħħar fil-klassifika.
Iż-żewġ timijiet għandhom bosta players neqsin minħabba li qed jirkupraw minn injury – Inter se jkunu mingħajr Matteo Darmian, Benjamin Pavard u Francesco Acerbi filwaqt li Cagliari għandhom barra lil Yerry Mina u Zito Lovumbo.
Juventus v Fiorentina – Juventus iridu jkomplu jibnu fuq is-suċċess ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda fir-rebħa ta’ 2-1 fuq Monza wara erba’ draws konsekuttivi.
Barra minn hekk, il-Bianconeri huma l-uniku team li għadu ma ġiex megħlub fil- kampjonat.
Huma se jilagħbu kontra team li bħal donnu kkrolla fl-aħħar ħarġiet tiegħu.
Dan minħabba li wara tmien rebħiet infila, il-Viola sofrew żewġ telfiet konsekuttivi biex prattikament inqatgħu mill-isfida għar- rebħ ta’ li Scudetto, bil-konsegwenza li jinsabu fil-ħames pożizzjoni, b’distakk ta’ disa’ punti.
Juventus għandhom barra lil Teun Koopmeiners, Danilo, Douglas Luiz, Timothy Weah, Juan Cabal, Arkadiusz Milik u Gleison Bremer.
Fiorentina ma jistgħux jinkludu lil Cristiano Biraghi u Eduardo Bove.