F’dawn it-tlett ijiem tintlagħab is-37 ġurnata jew aħjar dik ta’ qabel l-aħħar tal-Kampjonat Taljan fejn il-leaders Milan għadhom segwiti mir-rivali eterni Inter fejn kollox jista’ jseħħ meta r-Rossoneri qed igawdu żewġ punti vantaġġ fuq in-Nerazzurri.
Dan ifisser li jekk Milan jegħlbu lil Atalanta u Inter jonqsu milli jagħmlu dan għand Cagliari, jiġu dikjarati champions.
Jekk min-naħa l-oħra, Inter jirbħu u Milan ma jirnexxielhom joħorġu bit-tliet punti kontra l-Bergamashi, ikun ifisser li Inter jaqbżu fil-quċċata tal-klassifika biex kollox ikun għadu inċert sal-aħħar ġurnata.
Milan v Atalanta – Milan jilqgħu lil Atalanta u minkejja li fuq il-karta jibdew favoriti, iridu jkunu ferm konċentrati għal dan il-konfront mill-aktar importanti, konxji mill-fatt li Atalanta jistgħu joħolqu xi sorpriża.
Bla dubju, ir-Rossoneri jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji li qed jissieltu għal post fil-UEFA Conference League.
Barra minn hekk l-aħħar logħba li ntlagħbet f’San Siro, f’Jannar tas-sena li għaddiet, kienu Atalanta li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0 u b’hekk Milan jridu jagħmlu tpattija sportiva.
Ir-Rossoneri ma jistgħux jinkludu lill-imweġġa’ Simon Kjaer filwaqt li Giuseppe Pezzella u Rafael Toloi se jkunu neqsin għall- Bergamaschi għall-istess raġuni.
Cagliari v Inter – Bil- pressjoni kollha fuqhom, Inter imorru jilagħbu għand Cagliari fejn xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom biex jibqgħu jżommu t-tamiet ħajjin għar-rebħ tat-titlu.
Min-naħa l-oħra, anke t-team minn Sardinja għandu bżonn il-punti fit-taqtigħa għas-salvazzjoni.
Bla dubju, Inter jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli wara s-suċċess tagħhom bir-rebħ tal-Coppa Italia meta fil-finali għelbu lil Juventus bl-iskor ta’ 4-2 wara l-ħin barrani.
Inter għandhom lil Alessandro Bastoni li qed ibati minn uġigħ f’siequ.
Napoli v Genoa – Napoli m’għandhomx ifallu meta jilagħbu f’darhom kontra Genoa biex b’hekk isaħħu t-tielet post meta huma segwiti minn Juventus.
Genoa għandhom bżonn rebħa biex jinqalgħu miż- żona l-ħamra minħabba li jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar..
Il-Partenopei għandhom l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tagħhom.
Juventus v Lazio – Trawmatizzati mit-telfa tal-finali tal-Coppa Italia kontra Inter, Juventus jilqgħu lil Lazio fejn għandhom bżonn punt wieħed biss biex jaċċertaw posthom fil-UEFA Champions League li f’nofs l-istaġun kienet missjoni impossibbli biex jilħqu dan il-għan.
Telfa għal Lazio tkun tfisser li jistgħu jintlaħqu minn Atalanta jew Roma li jistgħu jtellfulhom post fl- Europa League.
Juventus ma jistgħux jinkludu lil Kaio Jorge, Federico Chiesa u Weston Mc-Kennie li qed jirkupraw minn injury.