Meta tintlagħab il-11-il ġurnata tas-Serie A, l-aktar partita attraenti hija dik bejn Inter u Lazio.
Min-naħa taċ-champions Napoli, dawn għandhom logħba diffiċli meta jmorru jilagħbu għand Bologna. Roma m’għandhomx ifallu meta jilqgħu lil Udinese filwaqt li Milan imorru għand Parma.
Inter v Lazio – Inter ikunu nvoluti f’partita delikata kontra Lazio hekk kif jimmiraw li jżommu l-pass mal-leaders Napoli.
In-Nerazzurri kisbu erba’ rebħiet mill-aħħar ħames partiti filwaqt li Lazio rreġistraw biss żewġ rebħiet u spiċċaw draw fit-tlieta l-oħra hekk kif jinsabu fit-tmien post tal-klassifika.
Iż-żewġ timijiet ma jistgħux jutilizzaw bosta players li qed jirkupraw minn injury – Inter: Tomas Palacios, Henrikh Mkhitaryan, Marcus Thuram, Raffaele Di Gennaro u Matteo Darmian … filwaqt li Lazio għandhom lil Nuno Tava-res, Alessio Romagnoli, Valentin Castellanos, Nicolo Rovella, Matteo Cancellieri, Samuel Gigot, Fisayo Dele-Bashiru, u Dimitrije Kamenovic.
Bologna v Napoli – Napoli għandhom partita diffiċli barra minn darhom kontra Bologna, li jinsabu fil-ħames post tal-klassifika … erba’ punti biss taħt il-Partenopei.
Dan ifisser li jekk Bologna joħorġu rebbieħa jitilgħu għal punt wieħed biss taħt in-Naplitani.
Bħalissa, Bologna jinsabu fiż-żona tal-kompetizzjonijiet Ewropej … u rebħa tista’ tpoġġihom fiż-żona tal-UEFA Champions League.
Napoli għandhom barra lil Leonardo Spinazzola, Billy Gilmour, Alessio Zerbin, Alex Meret, Kevin De Bruyne, Romelu Lukaku u Jesper Lindstroem filwaqt li Bologna se jkollhom jgħaddu mingħajr Remo Freuler u Ciro Immobile.
Juventus v Torino – Juventus jibdew favoriti li joħorġu bit-tliet punti fid- Derby Delle Mole, kontra Torino.
Filwaqt li l-Bianconeri jinsabu fis-sitt post, il-Granata qed jokkupaw it-13-il post.
Parma v Milan – Anke Milan m’għandhomx ifallu meta barra minn darhom jaffrontaw lil Parma li jinsabu fis-16-il post … punt biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Peró, ir-Rossoneri jridu juru l-konsistenza minħabba li fl-aħħar ħames partiti rebħu tnejn u ġew miżmuma tliet darbiet.
Roma v Udinese – Roma jridu jpattu għad-diżappunt tat-telfa ta’ 1-0 għand Milan fi tmiem il-ġimgħa li għadda meta saħansitra fl-aħħar ħinijiet, Paulo Dybala, falla penalty għall-Giallorossi.
Huma jinsabu fit-tieni post u ma jistgħux ifallu.
Għada huma jiltaqgħu kontra Udinese li jinsabu fid-disa’ post u ġejjin minn rebħa ta’ 3-2 fuq Lecce.

