Sunday, November 24, 2024

Serie A: Victor Osimhen jiskorja għal Napoli … iżda ma jifraħx

Aqra wkoll

Meta kompliet tintlagħab is-sitt ġurnata tal-Kampjonat Taljan, l-attenzjoni prinċipali kienet fuq Napoli u l-attakkant internazzjonali Niġerjan, Victor Osimhen, li qed jikkunsidraw li jiftaħ kawża legali kontra l-club wara li ttella filmat fuq il-pjattaforma ta’ Tik Tok mill-club stess biex jiġi żżuffjettat il-player li kien urtat immens, tant, li ħabbar li kiser ir-relazzjoni mal-Partenopei. 

Fir-rebħa ta’ 4-1 fuq Udinese, huwa kien fost l-iskorers iżda deher goal ta’ rutina billi ma feraħx anke jekk il-players sħabu ppruvaw iduru miegħu biex jifirħu. 

Huwa skorja t-tieni goal fid-39 minuta wara li Piotr Zielinski (19) fetaħ l-iskor minn penalty. Iż-żewġ goals l-oħra waslu minn Khvicha Kvaratskhelia (74) u Giovanni Simeone (81).

Cagliari v Milan – Milan marru għand Cagliari u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1, bl-iskorers ikunu Noah Okafor (40), Fikayo Tomori (45) u Ruben Loftus-Cheek (60) wara li Zito Luvumbo (29) fetaħ l-iskor għat-team minn Sardinja. 

Empoli v Salernitana – Empoli rreġistraw l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Salernitana bl-iskor ta’ 1-0, bl-uniku goal jiġi skorjat minn Tommaso Baldanzi (34).

Verona v Atalanta – Atalanta rritornaw għar-rebħ meta barra minn darhom għelbu lil Verona bl-iskor ta’ 1-0, bil-goal importanti jasal minn Teun Koopmeiners (13). 

Inter v Sassuolo – Kontra kull mistenni Inter sfaw megħluba f’darhom minn Sassuolo bl-iskor ta’ 2-1 biex tellfulhom ukoll ir-rekord ta’ punti massimi. 

Kien Denzel Dumfries (45) li fetaħ l-iskor għan-Nerazzurri fejn kulħadd antiċipa li kienu se jiksbu t-tliet punti. 

Iżda l-viżitaturi kellhom ħsibijiet oħra meta fit-tieni taqsima skorjaw żewġ goals biex dawru telfa f’rebħa permezz ta’ Nedim Bajrami (54) u Domenico Berardi (63). 

Lazio v Torino – Lazio  laqgħu lil Torino u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ goals jaslu fit-tieni taqsima minn Matias Vecino (56) u Mattia Zaccagni (75).

Sport