Wednesday, December 25, 2024

Serqa ta’ €60,000 f’Birkirkara li ħadet biss 90 sekonda

Aqra wkoll

Il-Qorti semgħet kif hold-up li matulu nsterqu madwar €60,000 fi flus kontanti minn garaxx f’Birkirkara dam biss 90 sekonda. Is-serqa seħħet fit-28 ta’ Mejju li għadda fi Triq Karm Zerafa u kienet tinvolvi tliet persuni armati u mgħammda. 

Tnejn mis-suspettati, Aaron Cassar ta’ 42 sena minn Birżebbuġa u Joseph Xuereb ta’ 59 sena mill-Marsa tressqu l-Qorti l-ġimgħa li għaddiet filwaqt li t-tielet persuna għadu qed jiġi mfittex.

Il-vittma ta’ 53 sena rrakkonta l-esperjenza tiegħu meta bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Cassar u Xuereb. Huwa qal li kien qed jistenna żjara ta’ kull ġimgħa minn uffiċjali tas-sigurtà li kien iċemplilhom biex jiġbru l-flus li kellu. 

“Il-vann ġie kmieni llum,” kien qal bejnu u bejn ruħu hekk kif sema’ ħoss ta’ vann jieqaf barra l-garaxx. Iżda f’daqqa waħda tlitt irġiel, armati b’armi tan-nar, lebsin hoodies u b’wiċċhom mgħotti, ordnawlu biex jibqa’ kwiet u jgħolli jdejh.

Ix-xhud qal li mbagħad dawn ordnawlu jpoġġi bilqiegħda iżda huwa rrifjuta għax ma riedx li jorbtuh mas-siġġu. Wieħed mill-ħallelin imbagħad immanettjah filwaqt li baqa’ jordnalu biex “iżomm kwiet.” 

Ħalliel ieħor qagħad quddiemu, b’pistola ppuntata fid-direzzjoni tiegħu filwaqt li t-tielet persuna ħa l-flus li kien hemm fi trolley. L-ammont totali misruq kien ta’ bejn €59,000 u €62,000.

Qabel telqu minn fuq il-post, il-ħallelin qalbu s-siġġu biex jagħmilha diffiċli għall-vittma li jiġri warajhom. Il-vittma qal li rnexxielu jiftaħ il-bieb tal-garaxx b’siequ u ra vann abjad jitlaq minn fuq il-post. 

Il-vittma kien sejjaħ wieħed mill-ġirien tiegħu għall-għajnuna u dan ċempel minnufih lill-pulizija. Huwa identifika liż-żewġ akkużati fil-Qorti, minkejja li wiċċhom kien parzjalment mgħotti fil-ħin tas-serqa.

Fis-seduta tal-bieraħ xehed ukoll l-uffiċjal prosekutur, l-Ispettur Stephen Gulia, li spjega kif l-investigaturi ġabru filmati u data ta’ lokalizzazzjoni tal-mobiles tagħhom li għenuhom jaslu għaż-żewġ suspettati. Il-filmati tas-CCTV urew li s-serqa ħadet madwar minuta u nofs.

Il-vann, Suzuki abjad, kien irrapportat misruq f’April li għadda, wara li sidu kienu pparkjah fi Spencer Hill fil-Marsa wara li mar għal btala fi Sqallija. Dan instaq fl-inħawi tal-Imrieħel, ftit bogħod minn fejn seħħet is-serqa.

L-Ispettur qal li madwar 15-il minuta qabel seħħ il-hold-up, persuna tidher ħierġa minn vettura Nissan Juke ta’ lewn iswed u mxiet lejn il-vann ipparkjat. Qal li wara l-allegata serqa, mobile data u filmati tas-CCTV urew li kemm Cassar kif ukoll Xuereb kienu fl-inħawi taż-żona industrijali tal-Marsa. Strixxi blu, bojod u ħomor fuq hoodie li kien liebes wieħed mis-suspettati komplew iqanqlu s-suspetti tal-pulizija. 

Waqt tfittxija li saret fir-residenza ta’ Xuereb, instabu par qliezet li kienu jaqblu ma’ dawk li dehru fil-filmati. Xuereb kien arrestat viċin tar-residenza tiegħu fil-Marsa filwaqt li Cassar kien arrestat f’farmhouse fis-Siġġiewi. 

Il-każ ikompli. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Lydon Zammit. L-Avukati Arthur Azzopardi, Ishmael Psaila u Jacob Magri dehru għall-imputati. L-Avukat Kathleen Calleja Grima deher parte civile. 

Ekonomija

Sport