Shanelle Farrugia ta’ 29 sena minn Bormla inżammet arrestata wara li ġiet mixlija li serqet €450 minn karozza fil-Marsa.
Farrugia tressqet quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt fejn wieġbet mhux ħatja li nhar id-29 ta’ Diċembru li għadda għall-ħabta tat-8.15 p.m. wettqet din is-serqa u li saret reċidiva.
Fil-Qorti nstema’ kif raġel kien mar fl-Għassa tal-Marsa jirrapporta li waqt li kien qed isarraf il-kontenituri tax-xorb fil-magna tal-BCRS li hemm fi Triq is-Salib tal-Marsa, waqqfuh mara u raġel u bdew ikellmuh.
Il-mara talbitu sigarett u xi ftit flus, bir-raġel jagħtiha xi ftit muniti. Huwa mbagħad waddab il-kartiera fil-karozza tiegħu. Allegatament il-mara daħlet fil-karozza tiegħu u serqet il-flus mill-kartiera li kienet fuq is-seat.
L-allegat vittma beda jgħid lill-imputata biex toħroġ mill-karozza u wara skopra li kienu ttieħdulu 450 ewro. Meta beda jargumenta magħha, f’ħin minnhom mar ir-raġel li kien magħha ftit qabel u beda jaqbeż għaliha u saħansitra, skont il-prosekuzzjoni beda jagħti bis-sieq fuq il-karozza tal-allegat vittma.
Fil-Qorti ntqal li fiż-żmien li l-mara kienet arrestata kellha tiddaħħal l-isptar u ngħatat il-police bail. Hija kellha terġa’ tmur għand il-Pulizija wara li toħroġ mill-isptar xi ħaġa li m’għamlitx, fejn il-Pulizija rawha l-Belt u arrestawha.
Meta tressqet fil-Qorti, il-mara wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha iżda baqgħet tinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tagħha.
B’rabta ma’ dan il-każ, il-Ħadd li għadda, tressaq fil-Qorti Priviledge Mupimhidzi ta’ 37 sena residenti Birżebbuġa u ġie mixli b’kompliċità fis-serqa. Huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.