Tuesday, July 15, 2025

“Serqulna d-dinjità u l-futur tagħna”… il-ħsara għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra

….beda skavar f’dar Kattolika għall-ommijiet biex isibu l-fdalijiet ta’ 796 trabi u tfal fl-Irlanda

Aqra wkoll

“Twelidt f’istituzzjoni mmexxija mid-Dar tal-Ommijiet u t-Trabi f’Tuam immexxija mis-sorijiet. Ommi, kienet  mċaħħda mid-drittijiet tagħha. Wellditni hemm taħt kundizzjonijiet li l-ebda bniedem m’għandu jgħaddi minnhom.  Mill-bidu, ħajti kienet iffaċċjata minn trawma, stigma, u abbandun. Ma kontx ngħix f’ambjent sigur jew ta’ kura, imma kont ngħix f’ambjent li kien wieħed ta’ ġudizzju u krudeltà. Tfuliti kienet karatterizzata minn uġigħ emozzjonali u psikoloġiku, mhux biss minn dak li ssaportejt, iżda minn dak li kien diġà sar lil ommi. L-abbuż li t-tnejn li aħna sofrejna ħalla ġrieħi fondi. Din ma kinitx ħsara iżolata. Hi ħsara interġenerazzjonali. Fallejna minn sistemi li suppost kellhom jipproteġuna.”

Dan iddikjaratu Margaret Byrne, minn Vancouver, Kanada f’ittra li kitbet u li ġiet ippubblikata, hekk kif sar magħruf li beda l-iskavar f’dar tas-sorijiet Kattoliċi fi Tuam fl-Irlanda u dan biex trabi midfuna bla ebda rekord jingħataw difna xierqa.

Margaret tgħid li “se nitkellem ukoll dwar xi ħaġa li reġgħet fetħet feriti qodma: id-deċiżjonili jiġu skavati l-fdalijiet tat-trabi midfuna fl-istituzzjoni fejn kienet ukoll oħti. Familji bħal tiegħi ma ġewx ikkonsultati, infurmati, jew offruti xi appoġġ biex jattendu għal dan il-pass sensittiv u emozzjonali. Lanqas biss ġejt notifikata fil-ħin biex inkun preżenti, aħseb u ara offrejt għajnuna biex nivvjaġġa lejn l-Irlanda. Dik l-esklużjoni hija inġustizzja ġdida. Oħti hija midfuna hemm. Kienet tarbija. Il-memorja tagħha hija importanti ħafna għalina. Dawn l-istituzzjonijiet serqu d-dinjità u l-futur tagħna. Serqu wkoll il-fiduċja, il-konnessjoni, u l-fejqan minn ġenerazzjonijiet ta’ familji. Qed nitkellem issa mhux biss għalija nnifsi, iżda għal ommi li qatt ma kellha ċ-ċans titkellem, għal oħti li mietet taħt kundizzjonijiet orribbli u krudeltà minn dawn is-sorijiet.  Jistħoqqilna ġustizzja, dinjità, u d-dritt li ninstemgħu u ninkludu.”

L-iskandlu tat-trabi fl-Irlanda

Dan l-iskandlu fl-Irlanda li kien ixxokkja lin-nazzjon u li kien jinvolvi l-mnewt ta’ 796 tarbija li mietu f’dar Kattolika li toffri protezzjoni lil ommijiet tqal, wassal biex proprju fl-aħħar jiem beda tħaffir fil-post biex jinstabu dawn it-tfal mejtin.   L-iskavar li beda fl-aħħar sigħat qed isir f’din id-dar li tinsab f’Tuam u dan hu meqjus bħala kruċjali biex jibda jintefa’ dawl  għad-difna suspettata ta’ 796 tifel u tifla f’oqbra mhux immarkati mingħajr rekords. L-iskavar  hu mistenni li jieħu xhur u se jinvolvi tfittxija forensika dettaljata f’żona ta’ 5,000 metru kwadru. Dan l-iskavar qed isir  wara għaxar snin ta’ stennija u dewmien minħabba inkjesti mill-Istat Irlandiż.

Ta’ min jgħid li kienet l-istorika Catherine Corless li skopriet li kien hemm 796 ċertifikat tal-mewt iżda l-ebda rekord tad-dfin għat-tfal li mietu fl-istituzzjoni. Hi ddikjarat fl-aħħar jiem li “meta bdejt, ħadd ma ried jisma”. L-investigazzjoni tagħha skopriet 798 ċertifikat tal-mewt għal tfal assoċjati mad-dar iżda l-ebda rekord tad-dfin, u dan qajmet suspetti dwar dfin tal-massa fis-sit.

Id-dar li fiha qiegħed isir l-iskavar kienet immexxija mill-ordni reliġjuża Bon Secours mis-sena 1925 sas-sena 1961. Din id-dar f’Tuam kienet takkomoda ommijiet mhux miżżewġin u wliedhom. Kienet waħda minn ħafna istituzzjonijiet madwar l-Irlanda mmexxija flimkien mill-Knisja Kattolika u l-Istat, fejn in-nisa spiss iffaċċjaw abbużi u kienu mġiegħla jabbandunaw lil uliedhom. In-nisa tqal mhux miżżewġin kienu jintbagħtu fid-Dar ta’ Bon Secours biex iwelldu. 

Wara li jitwieldu t-trabi, kienu jittieħdu mingħand ommijiethom u jingħataw lis-sorijiet mingħajr il-kunsens tal-familji tagħhom. Madankollu, l-ommijiet kienu mġiegħla jibqgħu hemm għal sena biex jagħmlu xogħol mhux imħallas.

Kien fis-sena 2017, meta il-Kummissjoni ta’ Investigazzjoni tad-Djar tal-Ommijiet u t-Trabi ħabbret li nstabu “kwantitajiet sinifikanti ta’ fdalijiet umani” fi struttura tad-drenaġġ taħt l-art fis-sit ta’ Tuam waqt ir-riċerka tagħha, wara l-allarm imqajjem mill-istorika Catherine Corless. L-iskoperta kkonfermat is-suspetti ta’ dfin tal-massa u wasslet għal sejħiet għal skavar bir-reqqa u identifikazzjoni tal-fdalijiet.

Anna Corrigan, li ż-żewġ ħutha John u William Dolan, jistgħu jkunu midfuna fis-sit, iddikjaraw li t-tfal ġew miċħudin id-dinjità fil-ħajja u fil-mewt. Jippreferu jaħbu u  jagħmluha diffiċli għan-nies biex jaslu għall-verità”.

Qiegħed jiġi rrappurtat li se jittieħdu kampjuni tad-DNA. Kwalunkwe fdal identifikat se jingħata lura lill-membri tal-familja skont ix-xewqat tagħhom, filwaqt li fdalijiet mhux identifikati se jindifnu b’dinjità u rispett. Kien fis-sena  2021, li l-gvern Irlandiż uffiċjalment skuża ruħu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport