Sunday, December 22, 2024

servizz.gov irċieva 2.2 miljun talba fl-2023

Aqra wkoll

Matul l-2023, servizz.gov irċieva aktar minn 2.2 miljun talba għal servizz jew informazzjoni relatati ma’ servizzi pubbliċi. Dan tħabbar mill-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana waqt it-tnedija tar-rapport annwali tal-aġenzija, okkażjoni li fiha ġiet żvelata wkoll id-dehra l-ġdida ta’ servizz.gov wara eżerċizzju ta’ rebranding.

Mir-rapport annwali jirriżulta li għal darb’oħra, il-mezzi diġitali jibqgħu l-aktar popolari biex wieħed jieħu servizz jew jitlob informazzjoni, b’898,563 viżitatur fuq is-sit elettroniku, servizz.gov.mt. Magħhom jiżdiedu 86,192 email u 61,560 utent li użaw iċ-chatbot, li tnieda uffiċjalment is-sena li għaddiet. Il-Freephone 153 baqa’ fost l-aktar linji użati f’pajjiżna, b’863,126 telefonata. Fl-istess perjodu, 287,580 persuna ppreferew servizz wiċċ imb’wiċċ billi żaru l-24 ċentru reġjonali ta’ servizz.gov.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana qal li dawn iċ-ċifri huma xhieda li l-Aġenzija għas-Servizzi Governattivi mhux biss qed tkun effiċjenti, iżda wkoll qed tkompli tikber. Żied jgħid li r-riżultati miksuba huma awgurju għal futur dejjem isbaħ.

Il-Kap Eżekuttiv Massimo Vella spjega li servizz.gov għaddej minn proċess ta’ speċjalizzazzjoni u modernizzar, li diġà qed iħallu r-riżultati mixtieqa biex il-klijent jinqeda aħjar. Semma li anke l-2024 se tkun sena bi proġetti ambizzjużi fosthom b’aktar modernizzar ta’ ċentri, u aktar investiment f’għodod diġitali inkluż bl-assistenza tal-Intelliġenza Artifiċjali.

Ekonomija

Sport