Il-Gvern ta widen għat-tħassib taċ-ċittadini li maġenbhom ikun qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni. Dan qed jingħata permezz ta’ servizz innovattiv, li qed jiġi offrut mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), dak ta’ Avukat u Perit bla ħlas. Dan is-servizz jidher li ntlaqa’ tajjeb u qabad sew tant li sar magħruf li fl-ewwel sena mill-introduzzjoni tiegħu, diġà kien hemm 1,200 persuna li għamlu użu minnu.
Għalkemm issir kritika li ċertu servizzi jieħdu t-tul biex jitwettqu, fil-każ ta’ dan is-servizz ta’ min wieħed jinnota li diġà kien hemm 966 persuna li kellhom il-każ tagħhom konkluż. Dan ifisser li s-servizz mogħti f’dan is-servizz qed ikun wieħed effiċjenti u mogħti b’mod mgħaġġel. B’hekk in-nies qed jingħataw aktar serħan il-moħħ li t-tħassib tagħhom ma waqax fuq widejn torox.
It-twaqqif ta’ dan is-servizz huwa ta’ min ifaħħru għaliex konna ilna nisimgħu u naraw aċċidenti ta’ korrimenti u saħansitra mwiet f’din l-industrija hekk importanti għall-ekonomija tal-pajjiż. Dan is-servizz jingħaqad ukoll mal-helpline 138 li jagħti vuċi lill-pubbliku f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sitwazzjonijiet ta’ bini u kostruzzjoni.
Anke hawn, l-għadd kbir ta’ telefonati li qed jidħlu fuq dan il-helpline, li jkunu indirizzati lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) jew lill-BCA, ikomplu jixhdu l-ħtieġa li kien hemm għal dan is-servizz.
Iżda jsir kemm isir progress, qatt mhu biżżejjed. Dejjem ikun hemm ħtieġa għal aġġornament tal-liġijiet u tar-regolamenti li qegħdin hemm biex is-sigurtà taċ-ċittadin tkun dejjem qed tiġi mtejba. Għalhekk, fil-fehma tagħna, inizjattivi bħal dawk li għamilna referenza għalihom, jirriflettu l-impenn tal-Gvern sabiex ikompli jtejjeb l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni.
Fl-istess waqt, inizjattivi bħal dawn imorru wkoll id f’id mal-Viżjoni Malta 2050, li ssemmi b’mod partikolari s-sostenibbiltà fis-settur tal-kostruzzjoni.