Saturday, November 23, 2024

Servizz ta’ counselling għal nies vulnerabbli u li jħossuhom weħidhom

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Familja Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon aċċenna għall-fatt li minbarra s-sostenn finanzjarju, bħala Ministeru dejjem ħarsu lejn is-sostenn emozzjonali wkoll. Għal din ir-raġuni, il-Ministru ħabbar li se jibda’ jsir servizz ta’ counselling għal dawk in-nies li bħalissa jaqgħu taħt il-faxxa vulnerabbli. Dan is-servizz se jkun qed jingħata b’xejn u se jibda’ jingħata mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Counsellors li flimkien mal-Appoġġ lesti u se jagħtu għal tul il-pandemija numru ta’ sigħat fil-ġimgħa.  L-idea ġiet ftit ġimgħat ilu fejn il-counsellors ta’ din l-assoċjazzjoni ħassew li għandhom jingħaqdu flimkien u joffru l-għajnuna tagħhom ma’ servizz li diġà jeżisti.

L-Operations Director tal-Appoġġ Remenda Grech qalet li b’dawn is-sigħat se jkunu jistgħu jtejbu l-kwalità tas-servizz li jistgħu jagħtu. “Qed inkunu minn ta’ quddiem biex meta tinqala’ sitwazzjoni fis-soċjetà żgħur nagħtu għajnuna lil min hu vulnerabbli u għal min iħossu waħdu. Allura servizz bħal dan huwa essenzjali ħafna.”

Hija żiedet tgħid li s-supportline 179 żgur li m’għandu l-ebda introduzzjoni u qed jaraw kemm il-poplu Malti qed juża dan is-servizz. Minn mindu bdiet il-pandemija ġie introdott helpline ġdid, dak tal-1772, li fi żmien xahar kien hemm ‘il fuq minn 2000 telefonata, li jfisser medja ta’ madwar 80 telefonata kuljum mingħand nies li fis-sitwazzjoni preżenti qed iħossuhom weħidhom.

Permezz ta’ dak li qed jiġi mniedi llum, min iċempel fuq dan il-helpline jista’ mhux biss ikollu l-ħin biex jitkellem mal-professjonisti iżda jista’ jibbenefika minn 8 sessions ta’ counselling. Kemm il-Ministru Falzon u kemm Grech sostnew li huwa tassew ta’ pjaċir li jaħdmu ma’ organizzazzjonijiet oħrajn biex ikomplu jtejbu l-kwalità tas-servizz li joffru.

Sport