Kważi xahar wara li beda jopera s-Servizz Nazzjonali ta’ Emerġenza Veterinarja, li tnieda mill-Gvern permezz ta’ klinika fil-Fgura, ġew irreġistrati medja ta’ seba’ każi kull lejl.
Din il-klinika ta’ emerġenza għall-annimali topera kuljum bejn it-8.00 p.m. u t-8.00 a.m., mit-Tnejn sal-Ħadd u matul il-ġurnata kollha fil-Ħdud u l-festi pubbliċi.
Dwar dan u aktar tkellimna mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, li fissret l-importanza ta’ dan is-servizz ġdid li qed jingħata.
Hija tenniet li kemm ilha responsabbli minn dan is-settur, setgħet tifhem aħjar kemm il-Maltin għandhom għal qalbhom l-annimali. Tant li madwar 60% tal-popolazzjoni għandhom minn tal-inqas pet wieħed fid-dar tagħhom.
Spjegat li l-Gvern nieda diversi inizjattivi biex jiġi żgurat l-aċċess għall-kura veterinarja ta’ emerġenza f’pajjiżna barra l-ħinijiet normali tax-xogħol.
Waħda minn dawn kienet proprju l-inizjattiva tal-helpline nazzjonali b’xejn għall-emerġenzi veterinarji li tista’ tintlaħaq permezz tal-freephone 153 Ext. 22, operata minn Servizz.gov.
Dawk fil-bżonn ta’ dan is-servizz jistgħu jċemplu fuq din il-linja ta’ emerġenza sabiex jirreġistraw il-każ, u biex jiġi stabbilit jekk is-sitwazzjoni hijiex ta’ emerġenza.
Inizjattiva oħra tirrigwardja l-programm ta’ appoġġ għall-kura veterinarja ta’ emerġenza ffinanzjat mill-Istat, li tipprovdi konsultazzjoni għal annimali domestiċi iżgħar f’każijiet ġenwini ta’ emerġenza barra l-ħinijiet tax-xogħol. Il-pubbliku se jkun qed jingħata lura l-ħlas għal din l-istess konsultazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said temmet tappella biex ikun hemm aktar empatija mal-annimali. Qalet ukoll li l-Animal Welfare qiegħda tkompli tassisti fejn hemm bżonn u fil-pront meta tiġi mitluba biex tagħmel dan.

