Vjaġġi fuq Tallinja On Demand se jkunu kompletament mingħajr ħlas sal-aħħar ta’ Novembru għall-passiġġiera li għandhom Tallinja Card. Tallinja On Demand huwa servizz innovattiv ta’ Malta Public Transport li jiggarantixxi il-ħin tat-tluq u tal-wasla għal vjaġġi fiż-żona ta’ bejn Pembroke u l-Belt.
“Nixtiequ nagħtu lill-klijenti tagħna l-opportunità li jippruvaw is-servizz ta’ Tallinja On Demand, li joffri mod konvenjenti u effiċjenti ta’ vjaġġar,” spjega Daniel Grech, id-Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport. “Aħna nemmnu li dan is-servizz ta’ Tallinja On Demand huwa parti essenzjali mill-evoluzzjoni tat-trasport pubbliku f’Malta.”
Is-servizz huwa offrut fuq it-Tallinja App, identifikat bħala TD Plus, u l-passiġġiera jistgħu jibbukkjaw vjaġġi għal dak il-ħin kif ukoll għal data fil-futur. Tallinja On-Demand tivjaġġa direttament minn u lejn il-waqfiet mitluba u għalhekk tagħmel inqas waqfiet minn karozza tal-linja regolari. Il-vetturi moderni huma ddisinjati apposta biex ikunu aċċessibbli, b’mod partikolari għal dawk li jużaw siġġu tar-roti.
Il-passiġġiera huma mfakkra li għandhom jilbsu l-maskra kull ħin u Malta Public Transport qed tieħu il-prekawzjonijiet kollha sabiex kemm jista’ jkun, kulħadd ikun sigur. Il-karozzi tal-linja qed jiġu diżinfettati kuljum, bil-partijiet li jintmissu ta’ spiss mnaddfa b’mod frekwenti matul il-ġurnata. Barraminhekk, is-servizz qed ikun ristrett għal nofs il-kapaċità massima biex ikunu osservati ir-regolamenti ta’ distanza soċjali.
Tallinja On-Demand huwa offrut mit-Tnejn sal-Ħadd mill-05:00 ta’ filgħodu sa nofsillejl u bħalissa qed jopera fiż-żona bejn il-Belt u Pembroke li tkopri wkoll lil San Ġiljan, is-Swieqi, San Ġwann, Tas-Sliema, l-Imsida, Tal-Pietà, u l-Furjana. Sabiex ikun garantit li jinżammu il-ħinijiet tas-servizz, bħalissa Tallinja On Demand qed jopera f’żona limitata li tevita toroq fejn normalment ikun hemm konġestjoni qawwija.