Fost il-jiem internazzjonali dikjarati hekk min-Nazzjonijiet Uniti hemm il-Jum Dinji għas-Saħħa li jiġi mfakkar ta’ kull sena bħal-lum, is-7 t’April. Dan il-jum iservi ta’ okkażjoni li timmarka wkoll it-twaqqif tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-1948.
It-tema magħżula għal din is-sena hija “Flimkien għas-Saħħa. Ningħaqdu max-Xjenza”, fejn qed tiġi konfermata mhux biss il-ħtieġa imma wkoll ir-rilevanza tal-kollaborazzjoni xjentifika biex tipproteġi fuq kollox is-saħħa tan-nies, kif ukoll lill-annimali, il-pjanti u d-dinja li ngħixu fuqha. Il-kampanja ta’ din is-sena għalhekk tenfasizza kemm il-kisbiet xjentifiċi kif ukoll il-kooperazzjoni multilaterali bżonjuża biex ir-riċerka tinbidel f’azzjoni.
Meta niġu għax-xenarju lokali, Malta għamlet passi kbar fil-qasam mediku, b’mod partikolari fejn tidħol ix-xjenza. Minbarra r-riżors uman professjonali li għandna f’pajjiżna – infermiera, tobba, speċjalisti u professjonisti oħra – wieħed mill-elementi ewlenin li bla dubju qiegħed jixpruna ’l quddiem din it-trasformazzjoni interessanti huwa l-intelliġenza artifiċjali. Din it-teknoloġija ferm avvanzata qiegħda tkompli tgħin bi preċiżjoni fid-dijanjosi ta’ ħafna mill-kundizzjonijiet mediċi, l-iktar f’dak li jirrigwardja l-implimentazzjoni ta’ scans u testijiet meqjusa kumplessi u anke fl-analiżi ta’ volumi kbar ta’ dokumenti li qabel kienu jieħdu tul ta’ żmien biex ikunu proċessati.
Pajjiżna ma setgħax jibqa’ lura f’qasam hekk kruċjali bħalma huwa s-settur tas-saħħa pubblika. Għalhekk u f’dan il-kuntest, it-teknoloġija avvanzata li ġiet introdotta f’pajjiżna mhux biss qed tikkumplimenta l-progresss li diġà sar imma wkoll qed tkun hi l-mutur li jikkonsolida l-avvanzi mediċi li saru s’issa.
Għalhekk ma nistgħux f’dan il-jum internazzjonali ma napplawdux lill-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva kull darba li jħabbar investiment ġdid fil-faċilitajiet tal-kura medika f’pajjiżna.
Jagħmel tajjeb ukoll dan il-ministeru jekk jibqa’ jsegwi dak kollu li qed jiġri fid-dinja f’dan is-settur tant importanti għall-għajxien tan-nies u għalhekk, fejn hemm bżonn, jieħu miżuri li jtejbu l-kwalità tal-kura medika li joffru ċ-ċentri tas-saħħa u l-isptarijiet pubbliċi tagħna fosthom Mater Dei, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u ċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
Fuq kollox, l-investiment fix-xiri ta’ tagħmir mediku avvanzat jkompli jagħti dik l-ispinta meħtieġa biex ikun assigurat li ċ-ċentri u l-kliniċi tagħna jkunu mgħammra sew u jkollhom l-aħjar teknoloġiji fis-suq mediku.
L-allokazzjoni f’dan ir-rigward qed narawha tissaħħaħ aktar, fejn anke ċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran qiegħed ikompli jgawdi minn tali investiment. Għaldaqstant, ma jkunx qed jgħid il-verità min jgħid li l-gvern qed jixxaħħaħ mas-servizz tas-saħħa u mhux jagħtih dak li hemm bżonn.

