Il-Helpline 138, servizz ċentralizzat u disponibbli 24 siegħa kuljum, sar punt ta’ referenza essenzjali għal kull kwistjoni relatata mal-kostruzzjoni, is-saħħa u s-sigurtà. Dan il-helpline jidher li qabad ritmu tajjeb tant li qed jiġġustifika t-twaqqif tiegħu. Tant hu hekk li fl-ewwel sena tiegħu, dan is-servizz irċieva aktar minn 39,000 telefonata b’medja ta’ 107 telefonati kuljum.
Bħal kull servizz ġdid dejjem ikun hemm lok għal titjib wara li jiġi analizzat ir-rispons tan-nies u dan sabiex is-servizz ikun dejjem effiċjenti fl-azzjonijiet li jieħu. Iżda l-għadd kbir ta’ telefonati li qed jidħlu fuq dan il-helpline, li jkunu indirizzati lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) jew lill-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), ikomplu jixhdu l-ħtieġa li kien hemm għal dan is-servizz.
Naturalment l-ilmenti jew il-preokkupazzjonijiet tan-nies ikunu varji, b’ċertu każi saħansitra jkunu jirrikjedu ċertu rispons urġenti. Wieħed jifhem ukoll li dan il-helpline mhux biss għas-settur tal-kostruzzjoni imma anke għal kull ħaddiem f’kwalunkwe tip ta’ xogħol f’Malta, anke li ma jidhirx. Dan jinkludi nies li jaħdmu mid-dar li b’xi mod iħossu li s-saħħa tagħhom jista’ jkun li tkun qiegħda tiġi mpoġġija f’riskju.
Dan l-aħħar ukoll qed ikun hemm każi ta’ persuni li tellgħu ritratti u filmati fuq il-midja soċjali bla ma jindikaw il-post fejn jista’ jkun hemm periklu.
Għalhekk huwa importanti li f’każi bħal dawn, il-persuni jagħmlu użu minn din is-sistema ċentralizzata u jagħtu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex isemmgħu l-ilment u t-tħassib tagħhom u b’hekk ikollhom rispons effiċjenti u immedjat.
Din l-inizjattiva iżda hija biss parti minn riforma usa li qed issir f’dan il-qasam u tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkompli jtejjeb l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni. Ma’ dawn hemm ukoll iż-żieda fl-ispezzjonijiet konġunti bejn l-entitajiet konċernati fuq il-lantijiet tax-xogħol.
Barra minn hekk, ġew introdotti skemi oħra importanti fosthom “Ixtri Proprjetà Sostenibbli” u “Irrinova Darek”, li jkomplu jinċentivaw binjiet aktar sostenibbli. Dan biex ma nsemmux ukoll is-serjetà li qed tiddaħħal anki f’dak li huwa liċenzjar tal-bennejja u l-kuntratturi.
Għandna għax nifhmu li b’dawn il-miżuri kollha se tiddaħħal aktar serjetà fil-qasam tal-kostruzzjoni u fl-industrija tal-bini li fuq kollox hi fost il-pilastri ewlenin tal-ekonomija ta’ pajjiżna.