Servizzi Ewropej f’Malta hija l-punt nazzjonali ewlieni ta’ informazzjoni u assistenza dwar l- l-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea.
Il-missjoni tagħna hija waħda ċara – li nressqu l-opportunitajiet u l-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea eqreb tal-pubbliku u nagħmluhom aktar aċċessibbli għal kulħadd.
Dan nagħmluh billi niffaċilitaw l-aċċess għall-fondi Ewropej lil individwi, intrapriżi, għaqdiet volontarji, bdiewa, sajjieda u ħafna benefiċjarji oħrajn, filwaqt li nqajmu aktar kuxjenza u għarfien dwar l-impatt pożittiv tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fil-gżejjer Maltin u l-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Niffaċilitaw l-aċċess għall-fondi Ewropej
Servizzi Ewropej f’Malta tiffaċilita l-aċċess għall-fondi Ewropej b’żewġ modi prinċipali: billi tinforma lill-benefiċjarji dwar l-opportunitajiet ta’ fondi Ewropej u billi tassisti fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti b’fondi Ewropej.
Sabiex ninfurmaw dwar l-opportunitajiet ta’ fondi Ewropej, b’mod regolari norganizzaw sessjonijiet ta’ informazzjoni għal diversi benefiċjarji, fosthom sajjieda, imprendituri, għaqdiet volontarji u entitajiet pubbliċi. Dawn is-sessjonijiet huma maħsuba sabiex jgħinu lill dawk li jixtiequ japplikaw għall-opportunitajiet ta’ fondi Ewropej jiksbu aktar informazzjoni filwaqt li jkollhom l-opportunità li jqajmu kwalunkwe mistoqsija li jaf ikollhom. Noffru wkoll laqgħat individwali ma’ dawk li jixtiequ japplikaw għall-fondi fejn fihom noffru informazzjoni dettaljata u niddiskutu ideat li jistgħu jwasslu għal proġetti.
Lil hinn mill-informazzjoni, Servizzi Ewropej f’Malta toffri assistenza bla ħlas għall-applikazzjoni għal skemi u sejħiet ta’ fondi Ewropej. Dan huwa servizz ħolistiku u personalizzat, li jibda mill-identifikazzjoni tal-fondi relevanti, għall-għajnuna fil-proċess tal-applikazzjoni u jkompli anke matul l-implimentazzjoni tal-proġett.
Matul is-snin Servizzi Ewropej f’Malta, assistiet lil numru kbir ta’ individwi, għaqdiet volontarji, intrapriżi ta’ kull daqs, kunsilli lokali, bdiewa, sajjieda u ħafna aktar sabiex japplikaw b’suċċess għal diversi skemi u sejħiet ta’ fondi Ewropej.
Nqajmu aktar kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea
Parti importanti mill-missjoni ta’ Servizzi Ewropej f’Malta hija li nqajmu aktar kuxjenza mal-pubbliku dwar l-Unjoni Ewropea u l-benefiċċji tagħha. Dan nagħmluh permezz ta’ diversi inizjattivi li huma mmirati li jilħqu lil kulħadd, minn studenti sa adulti u anzjani.
Matul is-sena, Servizzi Ewropej f’Malta tfittex li ssaħħaħ il-preżenza tal-Unjoni Ewropea fil-ħajja ta’ kuljum permezz ta’ diversi attivitajiet għall-pubbliku. Dan jinkludi inizjattivi bħal ċelebrazzjoni ta’ Jum l-Ewropa ġewwa l-Belt Valletta, żjajjar għal studenti, adulti u ċiklisti għal proġetti f’siti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea, sessjonijiet interattivi għal gruppi ta’ tfal li jattendu SkolaSajf, u parteċipazzjoni f’attivitajiet pubbliċi oħra bħalma huma Notte Bianca, l-Expo tas-Servizz Pubbliku u l-Festival tax-Xjenza fil-Belt.
L-Aġenzija dejjem tfittex ukoll modi innovattivi kif tista’ tikkomunika l-Unjoni Ewropea u l-benefiċċji tagħha lill-udjenzi differenti. Għaldaqstant, tul dawn l-aħħar snin Servizzi Ewropej f’Malta ippubblikat numru ta’ kotba għal studenti ta’ etajiet differenti u anke adulti. Riċentament, nedejna l-pubblikazzjoni, Gżejjer f’Kontinent,li huwa ktieb b’ġabra ta’ seba’ rakkonti fittizji minn seba’ awturi Maltin magħrufa. Il-ħsieb ta’ wara din il-pubblikazzjoni kien li nistiednu lil pubbliku sabiex jaħseb fuq fehmiet komuni dwar il-benefiċċji, l-opportunitajiet, id-drittijiet u l-obbligi tas-sħubija, mingħajr ma ngħaddu ġudizzju.
Tajjeb wieħed isemmi wkoll li fl-2025 introduċejna taqsima ġdida tal-‘Policy’ tal-Unjoni Ewropea. L-għan huwa li noffru appoġġ aktar proattiv u integrat f’dak li jirrigwarda l-politiki u l-proċessi marbuta mal-Unjoni Ewropea. Din it-taqsima toffri gwida u tagħrif dwar opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea, bħal inizjattivi, programmi, u servizzi li jistgħu jgħinu lin-nies fil-ħajja ta’ kuljum – mhux biss dawk relatati mal-fondi. Permezz ta’ din it-taqsima, Servizzi Ewropej f’Malta qed issaħħaħ l-irwol tagħha bħala punt ta’ referenza għal kull min għandu mistoqsijiet dwar l-Unjoni Ewropea, id-drittijiet taċ-ċittadini, jew jeħtieġ informazzjoni prattika dwar il-politika tal-Unjoni Ewropea.
Bħala Servizzi Ewropej f’Malta, nemmnu li l-Unjoni Ewropea mhijiex biss istituzzjoni, iżda hija parti integrali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, kemm bħala individwi kif ukoll bħala pajjiż. Għaldaqstant, Servizzi Ewropej f’Malta tfittex li tagħmel l-opportunitajiet u l-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea aktar aċċessibbli sabiex dejjem tressaq l-Unjoni Ewropea eqreb tiegħek u taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Għal aktar informazzjoni tista’ żżur il-website ta’ Servizzi Ewropej f’Malta – sem.gov.mt – jew tikkuntattjana fuq 2779 7300 jew permezz tal-email [email protected].

