Monday, April 29, 2024

Servizzi għas-saħħa mentali viċin fejn tgħix u aktar aċċessibbli

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur l-Isptar Monte Carmeli

Aqra wkoll

Fis-saħħa mentali saħħaħna u ser inkomplu nsaħħu s-servizzi fil-komunità, biex kulħadd ikun jista’ jingħata s-sapport li jeħtieġ f’ambjent li jixbaħ aktar dak tad-dar milli dak ta’ sptar. B’dan ikompli jnaqqas ukoll l-istigma assoċjata ma’ li wieħed ifittex l-għajnuna meta meħtieġ.

Dan sostnih il-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara li għamel fl-isptar Monte Carmeli, akkumpanjat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, li matulha kellu diskussjoni mat-tmexxija u mal-ħaddiema tal-istess sptar, li fost oħrajn iddiskutew il-viżjoni għall-kura tas-saħħa mentali f’pajjiżna u kif mill-esperjenza tagħhom jemmnu li dik il-viżjoni tista’ tkompli titwettaq bl-aħjar mod biex kulħadd jingħata l-aqwa servizz, f’ambjent xieraq u b’servizz li jkun iffokat dejjem aktar fil-komunità.

Filfatt, eżempju ċar ta’ dak li qed jitwettaq, il-Prim Ministru rah jaħdem fil-prattika u kellu anke ċ-ċans jiddiskutih mal-pazjenti stess f’sala Maria Sciberras, magħrufa bħala l-Female Dual Diagnostic Unit, li tilqa’ pazjenti nisa li għandhom sfidi ta’ saħħa mentali u l-vizzju tad-droga. Sala li hija kompletament anti-ligature, jiġifieri li ġiet iddisinjata b’tali mod li l-pazjenti ma jkunux jistgħu jweġġgħu lilhom infushom jew lil xulxin. Iżda li jispikka l-aktar f’din is-sala, huwa l-mod ta’ kif qegħda tingħata l-kura, li qegħda tipprepara lill-pazjenti dejjem aktar biex ikunu jistgħu jerġgħu jgħixu b’mod indipendenti, fosthom billi jsajru għalihom u għall-pazjenti l-oħra tas-sala u jaħslu l-ħwejjeġ huma, fost oħrajn.

Il-Prim Ministru hawnhekk tenna kif proġetti bħal dawn li investa fihom dan il-Gvern, qegħdin jagħtu l-ħajja l-istrateġija nazzjonali għas-saħħa mentali li fost oħrajn tiffoka fuq it-tisħiħ tal-infrastruttura f’dan il-qasam. Investiment iżda li ddeskrivih bħala wieħed li jmur lil’hinn mill-binja nnifisha, għaliex huwa investiment fil-persuni li jiġu bżonn dan is-servizz li fl-aqwa ambjent qegħdin jingħataw l-opportunità li ż-żmien tagħhom f’dan l-isptar jippreparahom biex jerġgħu jgħixu fil-komunità.

Filfatt, l-istess strateġija titkellem ukoll dwar prijorità oħra għal dan il-Gvern, li fejn hu possibbli, it-trattament isir fil-komunità. Prijorità oħra li m’għadiex fuq il-karta iżda qed titwettaq, fosthom bi proġett ieħor li żar il-Prim Ministru Robert Abela li twettaq minn dan il-Gvern, dak ta’ Dar Sebħ Ġdid.  Din hija halfway house, li tilqa’ pazjenti li wara li jirċievu l-kura fl-isptar jingħataw l-opportunità li jintegraw ruħhom lura fis-soċjetà. Hawnhekk, il-pazjenti jistgħu jgħixu normali, f’ambjent ta’ dar, taħt is-sorveljanza tal-istaff professjonali.

Bi kliem il-Professjonisti kien li din id-dar, qegħda terġa’ tagħti l-kunfidenza lil dawn il-pazjenti biex jerġgħu jibdew jgħixu fil-komunità u b’mod indipendenti. Bis-servizz f’din il-binja għalhekk jingħaqad ukoll ma’ servizzi oħra bħal dak tal-Crisis Resolution Home Treatment li ġie introdott minn dan il-Gvern fejn pazjent jiġi riferut minn psikjatra f’Mater Dei għand tim ta’ infermiera u psikjatri fil-komunità. Liema servizz, fil-prattika fisser li mas-700 pazjent li użaw dan is-servizz kellek 93% tal-każi, li ngħataw l-għajnuna meħtieġa mingħajr ma kellhom għalfejn jiddaħħlu l-Isptar Monte Carmeli.

Bis-servizzi fil-komunità saru iktar aċċessibbli matul is-snin, anke bil-Helpline 1579, li huwa servizz offrut kuljum li joffri għajnuna immedjata u gwida meta persuna tiġi bżonnha, li minn kemm ilu introdott fl-2022, qiegħed jirċievi medja ta’ 700 telefonata fix-xahar.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem kif fis-settur tas-saħħa mentali, dejjem bid-djalogu ma’ dawk li jħaddmu s-servizzi ta’ kuljum, il-persuni u l-bżonnijiet differenti tagħhom fejn tidħol din it-tip ta’ kura qegħdin jinżammu fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni. Minn proġett infrastrutturali li d-disinn tiegħu qed ikun maħsub biex joffri kura speċjalizzata, għall-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda li dejjem qegħdin jagħmlu l-għajnuna iżjed aċċessibbli u li ssibha ftit passi bogħod minn darek għal titjib ieħor li anke jekk jaffettwa persuna waħda qegħdin inwettquh biex verament nagħmlu d-differenza.

Fil-fatt, il-Prim Ministru żar Outpatients Clinic ġdid, li fih qed jingħataw is-servizzi taċ-Ċentru Tommaso Chetcuti, li x-xogħlijiet fuqu huma parti mill-modernizzazzjoni tal-Isptar Monte Karmeli. Din l-Outpatients Clinic ġdida tinkludi tliet kmamar ta’ konsultazzjoni, faċilità ta’ trattament, u spazji anċillari. Bil-ħsieb wara dan l-investiment hu li meta l-pazjent jmur jgħix lura fil-komunità, jibqa’ jiġi segwit mill-Professjonisti, ma jingħatax dan is-servizz fis-swali tal-Isptar Monte Carmeli iżda f’ambjent xieraq li anke jikkontribwixxi biex il-persuna u l-familjari tagħha jiricievu servizz aqwa.

Proġett ieħor li jingħaqad ma’ lista ta’ proġetti oħra li għaddejja l-ħidma fuqhom, fosthom dik li ser twassal biex spazju mitluq jinbidel fi ġnien rikreattiv għal pazjenti minorenni fuq medda ta’ 1,100 metru kwadru, ir-rinovazzjoni ta’ Block 1, Block 6 u Female Ward 7 u l-ġnien terapewtiku fuq medda ta’ 4,500 metru kwadru flimkien mal-bini ta’ unit ġdida ta’ kura moderna tal-psikjatrija akuta f’Mater Dei, fost oħrajn.

Proġetti paralleli ma’ servizzi tal-aqwa kwalità mifruxa mal-pajjiż.

Sport