Sunday, November 24, 2024

SERVIZZI TA’ SPALLA GĦAL DAWK LI JEĦTIĠUHOM

Aqra wkoll

It-twaqqif tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) kien strumentali biex jiġu megħjuna persuni b’każi ta’ problemi soċjali. Dan jidher miż-żieda sostanzjali ta’ persuni li qed ifittxu l-għajnuna tal-Fondazzjoni. Fil-fatt, is-sena li għaddiet, tressqu aktar minn 24,877 każ minn 23,729 persuna.

Saħansitra l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon enfaiszza li s-soċjetà qed tkompli tiżviluppa u tikber iktar u għalhekk jeħtieġ li s-servizzi jkomplu jitjiebu biex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tal-komunità.

Sa mill-bidu tat-twaqqif tagħha, l-FSWS kienet raġġ ta’ tama għal dawk fil-bżonn, filwaqt li ħadmet qatigħ biex ittejjeb is-servizzi tagħha fil-qasam soċjali u l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn in-nies, fil-mument li jkunu jinħtieġu l-għajnuna.

Ir-rapport annwali tal-FSWS juri kemm għal darba oħra, qed jiżdiedu n-nies li jirrikorru għas-servizzi tagħhom, filwaqt li qed twessa’ aktar is-servizzi tagħha b’tali mod li jintlaħqu iktar nies ta’ kwalunkwe età. Dan jixhed ukoll kemm l-istat qed jagħti każ bis-serjetà tal-problemi soċjali li jaffaċċjaw diversi kategoriji tas-soċjetà tagħna llum.

Ta’ min jinnota wkoll li fost l-iktar każijiet li l-professjonisti tal-FSWS jiltaqgħu magħhom, huma problemi ta’ saħħa mentali, vjolenza domestika u abbuż ta’ tfal fost l-oħrajn. Għalhekk jeħtieġ li jitqawwew iktar ir-riżorsi biex ilaħħqu mal-ammont ta’ każi bħal dawn, biex is-soċjetá tagħna tkun dejjem aħjar.

Għandna x’nifhmu wkoll li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-investiment soċjali tiegħu, it-tisħiħ ta’ ħaddiema soċjali u sevizzi marbuta ma’ realtajiet ġodda bħalma huma s-solitudni u n-nuqqas ta’ kuntatt uman. Bis-servizzi li qed jiġu offruti mill-FSWS qegħdin iwasslu għal riżultati tanġibbli u li qed jinħassu f’pajjiżna.

Minkejja dawn is-servizzi, tajbin kemm huma tajbin li qed jiġu offruti, ma għandniex niddejqu li naraw pajjiżi oħra lil hinn minn xtutna kif qegħdin jindirizzaw dawn is-sitwazzjonijiet, sabiex fejn hu possibbli anke nitgħallmu mingħandhom.

Għalhekk is-solidarjetà soċjali għandha tibqa’ tkun wieħed mill-prinċipji bażiċi biex twassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar tal-persuni li jkunu affaċjati b’xi problema.

Sport