Fil-jum tal-11 ta’ Frar, il-pajjiżi Ewropej ifakkru l-importanza tan-numru 112, li jintuża għall-każi ta’ emerġenza. Dan in-numru jgħaqqad is-servizzi kollha tal-emerġenza għal dawk li jkunu jeħtiġuhom. B’dan is-servizz, tingħata assistenza fil-pront għas-sejħa li tkun saret.
F’Malta, matul is-sena li għaddiet, saru 384,468 sejħa fuq in-numru 112. Minn dawn, 184,693 sejħa li posthom jew ma kienx fuq il-112 jew agħar minn hekk kienu per eżempju telefonati foloz, jew abbandunati. Is-sejħiet reali u validi ġew mgħoddija għat-tieni livell ta’ rispons li ammontaw għal 96,416-il sejħa fejn 79.2% ġew indirizzati lid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, 12.5% lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, 8.1% lill-Pulizija u 0.2% lill-Forzi Armati ta’ Malta.
Wieħed ta’ min jinnota li f’dawn l-aħħar snin, kompliet għaddejja l-ħidma biex tiġi introdotta sistema ta’ alert magħrufa bħala reverse 112. Din is-sistema se tippermetti li kull telefon ċellulari konness ma’ antenni f’Malta, irrispettivament mill-oriġini tas-SIM card, jirċievi notifiki u struzzjonijiet f’każ ta’ emerġenza. Ninnutaw ukoll dak imħabbar mill-Ministru Byron Camilleri, li wara li f’Settembru li għadda ġie ffirmat il-kuntratt, issa beda x-xogħol ta’ interoperabbiltà bejn sistemi differenti, bil-għan li s-sistema tibda topera sal-aħħar tas-sena.
Sadanittant, it-teknoloġija wasslet biex jiġu introdotti numri oħra li qegħdin hemm għas-servizz taċ-ċittadin li jkun jista’ jagħmel użu minnhom minn djaru. Mingħajr ma nnaqqsu mill-importanza tal-112, hemm bosta servizzi telefoniċi oħra bla ħlas bħalma huma l-153 biex dak li jkun jinqeda dwar problema relatati ma’ servizz pubbliku u s-servizz introdott riċentament tal-1400 bil-għan li persuni li jiġu bżonn assistenza medika urġenti li mhux ta’ emerġenza, jużaw dan in-numru biex jingħataw gwida fejn l-aħjar jingħataw l-aħjar kura, qrib ta’ darhom u fl-inqas ħin possibbli.
Għalhekk huwa importanti li dawn in-numri, li qegħdin hemm għas-servizz taċ-ċittadin, l-istess ċittadin għandu jagħmel użu tajjeb minnhom. Dawn in-numri – b’mod partikolari l-112 – għandhom jibqgħu jintużaw b’mod responsabbli, dan hekk kif telefonata li ma tkunx ta’ natura ta’ ħajja jew mewt, tista’ tostakola telefonati oħra aktar urġenti.

