Wednesday, December 25, 2024

SETTUR TAL-GAMING LI BAQA’ B’SAĦĦTU 

Aqra wkoll

Is-settur tal-gaming f’pajjiżna kien b’saħħtu kif għadu sal-lum u jekk tibqa din ix-xejra jidher li dan is-settur għandu futur sabiħ quddiemu. Dan jiġi ikkonfermat minn diversi proġetti u investiment li saru f’dan is-settur matul is-snin li ilu jiffjorixxi u jikber f’pajjiżna. Fl-aħħar diċenju pajjiżna għamel avvanzi ekonomiċi kbar u mexa il-quddiem f’diversi oqsma.

Fejn għaxar snin ilu kellna problema tal-qgħad, illum pajjiżna għandu waħda mill-inqas rati ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea. Prova konkreta għalhekk li l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna mhux biss irnexxa imma wkoll attira, kif għadu jagħmel, investiment barrani li joħloq impjiegi ta’ kwalità.

Dak li ħabbar ftit tal-jiem ilu l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, li waħda mill-akbar kumpaniji tal-esports fl-Asja, Talon Esports se tkun qiegħda tespandi fl-Ewropa u se tistabbilixxi l-bażi tagħha ġewwa pajjiżna juri r-reżiljenza li bena dan is-settur. 

Konxju ta’ dan, il-Gvern qiegħed iħares lil hinn minn hekk. F’dan il-kuntest nifhmu li l-Gvern jirrikonoxxi l-potenzjal qawwi tas-settur li mhux biss jikkontribwixxi għall-ekonomija ta’ pajjiżna imma wkoll qed ikun veikolu għat-taħriġ tal-ħaddiema fit-teknoliġija.

Proprju jumejn ilu infetħet uffiċjalment l-expo dwar il-videogames u l-esports, il-Playcon, fejn diversi kumpaniji qegħdin joffru esperjenzi mħallta, ta’ tagħlim, kompetizzjonijiet u divertiment.

Dan kollu joffri l-opportunità lil kulħadd, speċjalment lill-istudenti u żgħażagħ, sabiex mill-viċin jesploraw u jisfruttaw it-tipi differenti ta’ karrieri li dawn l-oqsma joffru. L-oqsma tal-videogames u l-esports huma żewġ niċeċ ġodda fl-ekonomija nazzjonali li diġà qed jagħmlu suċċess u jħallu frott f’pajjiż.

Aħna konvinti li b’aktar investiment f’dan is-settur mhux biss jinħolqu impjiiegi ġodda ta’ kwalita, imma wkoll ikomplu jpoġġu lil Malta fuq il-mappa bħala ċentru għall-innovazzjonijiet teknoloġiċi u diġitali li qed jiżviluppaw fl-ewropa u fid-dinja b’pass mgħaġġel ħafna.

Għalhekk nemmnu li l-budget għas-sena d-dieħla li se jkun moqri fil-Parlament nhar it-Tnejn li ġej, se jkompli jibni fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar f’dan il-qasam tat-teknoloġija. Dan bil-għan li l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-iżvilupp tal-logħob diġitali jkompli jikber u jissaħħaħ fl-isfond ta’ ekonomija diġitali li pajjiżna għandu jibqa jibni.

Ekonomija

Sport