Is-settur tat-turiżmu f’pajjiżna, matul is-sena li għaddiet, reġa’ kien wieħed reżiljenti. Dan hekk kif l-istatistika qiegħda turi li xahar wara l-ieħor komplew jiżdiedu t-turisti li ġew Malta kif żdied ukoll l-infiq u l-għadd ta’ ljieli li dawn qattgħu f’pajjiżna.
Biss biss jekk wieħed iħares lejn l-ewwel 10 xhur tas-sena 2024, isib li waslu Malta aktar minn 3.1 miljun turist, li tfisser żieda ta’ 19.4% fuq l-istess perjodu tal-2023. Bin-numru ta’ ljieli mqattgħin jiżdied bi 12.1% u laħaq kważi l-20 miljun lejl.
Skont ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-infiq sħiħ mit-turisti għal dan il-perjodu kien stmat li laħaq it-€2.9 biljun, 22.3% aktar minn dak li kien irreġistrat fl-ewwel 10 xhur tas-sena 2023.
Dan kollu jirrifletti kemm l-istrateġija tal-Gvern, biex ikunu attirati turisti fix-xhur kollha tas-sena qiegħda tħalli l-frott. Issa l-enfasi mistennija li tkun fuq il-kwalità aktar milli l-kwantità. Irrefera għal dan ukoll il-Prim Ministru Robert Abela fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida, fejn irrikonoxxa li llum għandna l-lussu li nagħżlu mhux kemm jiġu imma l-kwalità ta’ turist se tkun il-prijorità.
Ma nistgħux ukoll ma nfaħħrux l-inizjattivi tal-Gvern biex dan is-settur mhux biss żamm lill-ħaddiema, imma anke sabiex jiġu msaħħa l-konnettività u r-rotot lejn pajjiżna. Huwa għalhekk li b’wiċċna minn quddiem nistgħu ngħidu li s-sena 2024 kienet waħda ta’ suċċess anke f’dan il-qasam.
Madanakollu, ma għandniex biss inserrħu fuq dawn is-suċċessi li ksibna matul iż-żmien f’dan is-settur, iżda għandna bħal ma għamilna fil-passat, għandna nkomplu nibnu fuq dak li sar biex is-settur ikompli jikber.
F’dan il-kuntest ukoll, jeħtieġ li l-ħidma tkompli biex pajjiżna jsir iktar nadif u ospitabbli. Dan mhux biss għat-turisti li ta’ kull sena jżuru pajjiżna imma wkoll biex il-Maltin jgħixu f’pajjiż dejjem aħjar u sigur.
Il-passat huwa mera tal-futur u għalhekk aħna fiduċjużi li kemm l-Awtorità tat-Turiżmu kif ukoll il-Gvern, flimkien ma’ diversi operaturi, se jkomplu jkunu katalisti biex is-settur turistiku f’pajjiżna jkompli jikber u jiffjorixxi.
Fuq kollox nemmnu li dawn ir-riżultati se jkomplu anke matul din is-sena. U huwa għalhekk importanti li nkomplu naġġornaw il-prodott turistiku tagħna sabiex dan is-settur ikun jista’ jilqa’ għall-isfidi preżenti u dawk futuri.