Mara ta’ 38 sena residenti Marsaskala, sofriet ġrieħi gravi fi Triq il-Qaliet, għax intlaqtet minn vettura.
Kuntistabbli li kien fuq ronda fi Triq Sant’ Antnin kien infurmat li ftit ħin qabel, għall-ħabta tas- 7:05 p.m, karozza kienet laqtet raġel Pakistan ta’ 28 sena, residenti Raħal Ġdid, li kien qed isuq mutur Kymco Agility. Is-sewwieq tal-karozza Peugeot 108 telaq minn fuq il-post wara li kellem lill-Pakistan. Minnufih il-Pulizija sejħet ambulanza sabiex tassisti lir- raġel.
Għall-ħabta tas-7:15 p.m, l-istess uffiċjali kienu infurmati li kien hemm inċident ieħor fi Triq il-Qaliet. Kif il-Pulizija marret f’din it-triq, innotaw diversi vetturi maħbuta b’waħda minnhom tkun l-istess vettura li kienet involuta fl-inċident mal-mutur.
Minn investigazzjonijiet ulterjuri rriżulta li s-sewwieq tal-Peugeot, wara li laqat dawn il-karozzi, saq b’lura u laqat mara li kienet miexja f’passaġġ.
Il-mara ta’ 38 sena minn Marsaskala marret fiċ-Ċentru tas-saħħa u aktar tard ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi, filwaqt li x-xufier tal-mutur ma sofriex ġrieħi.
Ix-xufier tal-karozza Peugeot, raġel ta’ 49 sena, qed jiġi mitkellem mill-Pulizija, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.