Sewwieq li 18-il sena ilu weġġa’ ieħor f’ħabta f’Ħal Tarxien kien ordnat jagħti lill-vittma imgħax ta’ €36,519 fuq il-kumpens ta’ €40,362 li kien diġà ġie ordnat jagħti.
Daniel Grima fetaħ il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Larson Pace b’rabta mal-inċident li kien seħħ fl-14 ta’ Ottubru tal-2003.
Grima kien qed isuq Hyundai Accent waqt li Pace kien qed isuq Renault meta seħħet il-ħabta u fis-6 ta’ Mejju tal-2005 Pace kien instab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi lil Grima.
Grima fetaħ kawża ċivili kontra Pace fejn talbu ħlas għad-danni li sofra u fis-7 ta’ Ottubru tal-2009 Pace ġie kkundannat mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili jħallas lil Grima €40,362 f’kumpens.
Il-kumpanija tal-assigurazzjoni ta’ Pace bagħtet ċekk ta’ €48,474 lil Grima madankollu s-somma ma kinitx tinkludi l-imgħax u għalhekk Grima reġa’ fetaħ kawża oħra.
L-Imħallef Neville Camilleri tah raġun u kkalkula rata ta’ imgħax ta’ 8% fis-sena fuq l-€40,362 li bdiet tinħadem mis-7 ta’ Ottubru tal-2009 biex wasal għas-somma ta’ €36,519.