Fi stqarrija l-pulizija qalu li r-raġel ta’ 31 sena residenti Santa Venera li lbieraħ kien qed isuq mutur u kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Marsa, ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Aktar kmieni (ilbieraħ): Sewwieq ta’ mutur kellu jingħata l-assistenza fuq il-post wara li aktar kmieni għall-ħabta tal-4:30 p.m kien involut f’inċident ma’ karozza fil-Marsa.
L-inċident seħħ fi Triq Emmanuele Luigi Galizia wara ħabta bejn il-mutur tal-għamla Yamaha misjuq mis-sewwieq li s’issa għadu ma ġiex identifikat u karozza tat-tip Toyota Vitz li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 40 sena minn Ħal Qormi.
Ir-raġel ittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar attenzjoni medika permezz ta’ ambulanza li ssejħet fuq il-post. S’issa għadha mhix magħrufa l-kundizzjoni tiegħu.
Fil-post issejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li taw l-assistenza tagħhom.
Parti mit-triq tinsab magħluqa għat-traffiku filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.