Kien għall-ħabta tas-6.00pm meta fi Triq l-Imġarr fix-Xewkija Għawdex seħħ inċident tat-traffiku bejn karozza u mutur.
Kelliem għall-pulizija qal lil dan is-sit li mutur tal-għamla KTM kien qiegħed jinsaq minn raġel ta’ 49 sena residenti x-Xagħra meta għal xi raġuni kellu mpatt ma’ karozza Mazda CX3.
Il-karozza li kienet qiegħda tinsaq minn mara ta’ 36 sena residenti x-Xagħra kienet tila’ mill-Imġarr u kienet se tikser lejn Triq il-Bennejja. Għal xi raġuni l-mutur kellu mpatt man-naħa tal-bieba tas-sewwieqa. L-istess sewwieq spiċċa mal-art u l-mutur baqa’ miexi waħdu lejn ġnien li hemm fl-istess żona u waqa’ ma’ bank.
Magħha s-sewwieqa tal-Mazda kellha passiġġieri tfajla ta’ 26 sena residenti x-Xewkija, ġuvni ta’ 19-il sena mix-Xagħra u tarbija.
Fuq il-post mar tim mediku b’ambulanza li ħadu lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Il-pulizija qegħdin jinvestigaw dan il-każ.