Saturday, November 23, 2024

Sewwieq ta’ mutur imut u ieħor fil-periklu tal-mewt f’ħabta kerha bejn erba’ karozzi f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Raġel ta’ 39 sena, residenti Birkirkara, tilef ħajtu filwaqt li raġel ta’ 40 sena residenti l-Ħamrun, qiegħed isofri minn ġrieħi serji, wara inċident tat-traffiku f’San Ġiljan kmieni dalgħodu.

L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsillejl u għaxra – 00.10 a.m. – bejn numru ta’ vetturi fi Triq Dun Mikiel Anton Vassalli. 

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn sabu ħabta bejn erba’ vetturi; vettura tat-tip Suzuki misjuqa minn raġel ta’ 35 sena mill-Etjopja residenti il-Marsa, vettura tat-tip Honda Accord misjuqa minn raġel Sirjan ta’ 24 sena residenti Ħaż Żebbuġ, mutur tat-tip BMW misjuq mir-raġel ta’ 39 sena u mutur tat-tip Triumph kien misjuq mir-raġel ta’ 40 sena.  

Minn stħarriġ preliminari li saru rriżulta li s-sewwieq tas-Suzuki, allegatament tilef il-kontroll tal-vettura u fl-istess waqt seħħ impatt fuq in-naħa ta’ wara tal-vettura tiegħu.  

Wieħed miż-żewġ muturi, il-BMW li kien qed jinstaq fl-istess direzzjoni, ħabat mal-vettura filwaqt li l-mutur tat-tip Triumph, li ukoll kien qed jinstaq fl-istess direzzjoni, skidja. Is-sewwieq tal-vettura tat-tip Honda prova jevita l-impatt iżda ħabat ma’ barrier.  

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna imma sfortunatament, ir-raġel ta’ 39 sena ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post mit-tabib tal-emerġenza. 

Ir-raġel ta’ 40 sena ttieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard  ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.  

Bil-każ ġie infurmat il-Magistrat tal-Għassa Victor Axiaq li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.

Sport