Sewwieq ta’ mutur weġġa’ gravi wara li aktar kmieni għall-ħabta tad-9.20 a.m kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Ħal Tarxien il-Gudja.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur tal-għamla Honda misjuq minn raġel ta’ 68 sena residenti l-Gudja u vettura tal-għamla Peugeot Partner misjuq minn raġel ta’ 50 sena residenti l-Qrendi.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadu lis-sewwieq tal-mutur lejn l-isptar għal aktar osservazzjoni medika.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.