Ilbieraħ, għall-ħabta tat-8.00p.m., il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq il-Wied, Birkirkara.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Hiace, misjuq minn raġel ta’ 23 sena residenti Ħal Għargħur, u mutur Kymco, misjuq minn Pakistan ta’ 47 sena residenti Birkirkara.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.