Sewwieq ta’ mutur weġġa’ gravi wara li l-Erbgħa li għadda kien involut f’inċident fin-Naxxar.
Kien għall-ħabta tal-10.00 p.m. meta l-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq is-Salina.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Hyundai Kona misjuqa minn Libjan ta’ 40 sena residenti Ħal Għaxaq u mutur Honda WW125 misjuq minn raġel ta’ 32 sena residenti San Ġwann.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

