Minn CLAUDIO COLEIRO
Il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li sezzjoni tal-Oppożizzjoni qed tagħmel pressjoni biex tipprova timmanipula l-ġudizzju tal-President dwar il-kriżi li għaddej minnha l-Partit Nazzjonalista.
Huwa qal meta kien qed iwieġeb mistoqsija ta’ L-ORIZZONT dwar kif fl-aħħar sigħat kompliet tiżdied il-pressjoni fuq l-uffiċċju tal-President biex dan jieħu deċiżjoni fir-rigward tal-Kap tal-PN Adrian Delia.
Dr Abela beda biex qal li l-President, skont l-artiklu 90 tal-Kostituzzjoni, għandu jitħalla jeżerċita l-ġudizzju tiegħu. Enfasizza li: “minn naħa għandek Oppożizzjoni li f’dawn l-aħħar xhur u snin dejjem tkellmet fuq il-governanza tajba u s-saltna tad-dritt.
“Fil-mument li s-saltna tad-dritt u l-governanza tajba qed jittrasformaw ruħhom fil-prattika, qed naraw Oppożizzjoni jew sezzjoni tal-Oppożizzjoni li qed tagħmel pressjoni u tipprova timmanipula l-ġudizzju tal-President li tieħdu bilfors fid-direzzjoni illi trid hi.
“Din hi xi ħaġa li fejn topera s-saltna tad-dritt u f’demokrazija m’għandhiex tiġi permessa u tollerata. Jiġi mill-Oppożizzjoni jew mill-fazzjoni tal-Oppożizzjoni nnifisha li ma tagħmilx dan.”
Il-Prim Ministru temm jappella għal ġudizzju aħjar minn dawk il-membri tal-Oppożizzjoni li qed jagħmlu l-pressjoni fuq il-Presidentu jħalluh jagħti d-deċiżjonijiet tiegħu biex imbagħad tkun xi tkun id-deċiżjoni kulħadd irid ibaxxi rasu għaliha.