Wednesday, April 24, 2024

Sfidi mill-pandemija, mill-gwerra u minn waqfien kmieni tax-xita

Minkejja kollox l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb mistenni jkollu produzzjoni normali

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb infetaħ uffiċjalment ilbieraħ f’Ta’ Qali mill-Ministru tal-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo. L-għeneb Malti huwa ta’ importanza kbira għall-produzzjoni tal-inbid lokali li, barra li jforni s-suq lokali, grazzi għal-livell u għall-kwalità eċċellenti tiegħu, huwa esportat barra minn xtutna. Dan is-sit tkellem mal-Ministru Refalo dwar is-settur tal-produzzjoni tal-inbid f’Malta fejn qalilna li dan is-settur għandu sfidi mill-pandemija tal-Covid-19, minħabba l-gwerra fl-Ukrajna u anke mill-fatt li din is-sena x-xita waqfet kmieni, problema li mhiex favur it-tkabbir tad-dwieli.

“L-inbid ta’ kwalità huwa wieħed minn dawk il-prodotti li għandu rabta diretta mat-territorju Malti u Għawdxi. Ma rridux ninsew li dan il-prodott huwa mfittex ħafna mit-turisti li jżuru l-gżejjer Maltin u l-kwalità hija rikonoxxuta anke mill-Unjoni Ewropeja li tkompli ssaħħaħ l-importanza tas-settur agrikolu ġewwa pajjiżna,” spjega l-Ministru Refalo.

Huwa qal li dan is-settur intlaqat ħażin mill-pandemija tal-Covid-19, speċjalment peress li ħafna inbid DOK u IĠT jinbiegħ lokalment u l-bejgħ huwa affetwat direttament mill-ammont ta’ turisti li jżuruna. “Jidher li dan l-aħħar qbadna t-triq tal-irkupru però, għad fadal biex nerġgħu nilħqu l-ammonti li kienu jinbiegħu qabel il-pandemija,” spjega l-Ministru Refalo. Fil-każ tal-gwerra tal-Ukranja, huwa qal li s-settur ġie xi ftit impatt wkoll bħall-bqija tas-setturi agrikoli, speċjalment fuq l-prezzijiet ta’ materja prima importata”. 

Ix-xita… problema sena wara oħra

Sfida li kellimna dwarha hija dik tax-xita minħabba li din is-sena, din reġgħet wafqet kmieni ħafna. Il-Ministru Refalo infurmana li, “minn Jannar ‘l hawn, nistgħu ngħidu li ma għamlet l-ebda ammont sostanzjanli li jkun ta’ favur t-tkabbir tad-dwieli. Din qiegħda tkun problema sena wara sena u għaldaqstant qegħdin naħdmu għal aktar għarfien fuq l-użu tal-ilma bil-għaqal peress li huwa riżorsa importanti ħafna”.

Bħala statistika lokalment għandna mal-400 ettaru raba bid-dwieli, b’10 għassara li jipproduċu l-inbejjed ta’ kwalita DOK u IĠT li bejniethom jipproduċu maż-żewġ miljun flixkun inbid fis-sena. Dawn kollha huma ċċertifikati u garantiti rigward il-kwalità li hija deskritta fuq t-tiketta. Id-direttorat tal-Agrikoltura janalizza aktar minn 100 kwalità ta’ inbid differenti fis-sena permezz ta’ laboratorji speċjalizzati u akkreditati barra minn Malta.

Il-Ministru Anton Refalo spjega kemm il-kwalità fil-prodott finali tirrikjedi paċenzja kbira, dedikazzjoni u ħila liema bħalha mill-bdiewa kif ukoll mill-għassara. Tirrikjedi wkoll ħidma kontinwa mid-Direttorat tal-Agrikoltura li għandu r-responsabilità li jsegwi u jiċċertifika l-proċess tal-produzzjoni tal-inbid.

Fiċ-ċerimonja uffiċjali f’għalqa tad-dwieli, il-Ministru Refalo qal li wara ħafna xogħol u ħidma issa wasal iż-żmien li jibda jinqata’ l-għeneb li l-bdiewa Maltin u Għawdxin kabbru b’tant għożża matul dan l-istaġun. Min-naħa tiegħu huwa awgura lill-bdiewa u lill-għassara kollha l-istaġun it-tajjeb u temm jgħid li, “mill-ġdid se nkunu qegħdin nistennew bil-ħerqa l-frott ta’ din il-ħidma wara sena xogħol kontinwu bla wafqien”.

Sport