Dylan Agius, artista ewlieni tat-tattoos f’pajjiżna, f’din l-intervista fost l-oħrajn jistqarr li ħafna nies ġieli jieħdu impressjoni ħażina tiegħu qabel ma jkunu saru jafuh. Jista’ jkun minħabba t-tattoos li għandu jidhru diretti ma’ rasu jew inkella għaliex forsi jħobb jidher ftit differenti minn ħaddiehor anke bħala stil.
Minn fejn ġie l-isem tal-ħanut tiegħek, ‘Mad Tatter’?
L-isem tal-ħanut tiegħi kien verament diffiċli biex nagħżel għax xtaqt xi ħaġa differenti minn dawk oħrajn. Xtaqt xi ħaġa li tibqa’ tiftakar meta tisimgħu u li joħloq identitá. Min-naħa l-oħra, xi kultant issib min ma ddurlux il-kelma jew inkella jgħidha ħażin!
Xi tfisser għalik ‘self expression’?
Għalija ‘self expression’ hija l-ewwel ħsieb li jiġik meta tħares lejn persuna. Sfortunatament, hawn Malta bqajna niġġudikaw ħafna mill-apparenza tal-persuna … din hija r-raġuni għaliex ħafna nies ġieli jieħdu impressjoni ħażina tiegħi qabel ma jkunu saru jafuni. Jista’ jkun minħabba t-tattoos li għandi jidhru diretti ma’ rasi jew inkella għaliex forsi nħobb nidher ftit differenti minn ħaddiehor anke bħala stil.
It-tattoo qed isir aktar u aktar mod kif tħobb il-ġisem tiegħek stess u tkun konxju dwaru?
It-tattoo minn dejjem kienet mod kif tesprimi xi ħaġa, sta hux lilek innifsek jew inkella xi memorja kemm tiegħek jew ta’ ħaddiehor. B’dan il-mod, meta persuna jkollu tattoo ta’ memorja fuqu nnifsu, din iġġiegħel lil dak li jkun jiftakar f’memorji kemm sbieħ kif ukoll koroh. Hawn min jagħmel tattoo wkoll biex iħossu aħjar bih innifsu għax fl-aħħar mill-aħħar, hija arti li ssebbaħ l-apparenza tal-individwu jekk dejjem tkun xi ħaġa pulita u mhux vulgari.
Normalment, tkun involut emozzjonalment waqt li tkun qed tagħmel tattoo fuq klijent/a?
Aħna l-artisti naffaċċjaw ruħna ma’ kull tip ta’ klijenti waqt il-proċess tat-tattoo. Meta jkollna tattoos sentimentali għall-klijent, xi drabi meta jirrakkontaw xi storja jew memorji tkun diffiċli għalina l-artisti li ma niġux “connected” mal-klijent speċjalment wara xi seba’ sigħat tpinċija. Każijiet bħal tpinġija ta’ portraits forsi ta’ xi ħadd li jkun ħalliena hija sitwazzjoni ċara ta’ kif l-artist iħoss ċerti emozzjonijiet lejn il-klijent.
Mhux se nitolbok tagħżel it-tattoo favorita tiegħek, imma nixtieq inkun naf kif tħossok waqt li tkun qed tiżviluppa dawn it-tattoos sbieħ tiegħek…
Tattoos għandi ħafna għal qalbi, biss peró l-ħaġa li ġġiegħlni nħossni sodisfatt ħafna fuq xogħli huma l-emozzjonijiet li juru l-klijenti wara li turihom it-tattoo lesta, tant kemm tkun ġiet għal qalbhom. Din naħseb hija xi ħaġa li kull artist ikun qed jistenna mingħand il-klijent.
Min ispirak tul it-triq?
Ispirazzjonijiet mingħand artisti kemm lokali kif ukoll barranin kelli ħafna tul ħajti, peró, nemmen li minn dejjem kienet din it-triq tal-karriera tiegħi. Bħalma dejjem ngħid lin-nies, kulħadd kapaċi jitgħallem isir Tattoo artist fit-teknika, biss peró, mhux kulħadd kapaċi jkun artist fil-ħsieb u l-immaġinazzjoni.
Liema pariri tagħti lill-artisti żgħażagħ nisa u rġiel ta’ għada?
Għall-artisti tal-futur, nixtieq ngħidilkom biex ma taqtgħu qalbkom qatt … il-bidu kollu iebes. Niftakar li xahrejn biss wara li ġibt il-liċenzja tat-tattoo, ftaħt l-ewwel ħanut tiegħi … kont nagħmel ġranet u ġieli ġimgħat mingħajr nies. Mhux se noqgħod ninħeba wara subgħajja, kien hemm ħafna drabi li bkejt u qtajt qalbi, biss peró dejjem sibt is-sapport mingħand il-ġenituri tiegħi. Niftakar lil missieri jgħidli wara li nkun ċempiltlu biex immur id-dar wara nofsinhar, nistenna forsi jidħol klijent, “Le, ibqa’ hemm sas-sebgħa tal-lejla, ħalli jekk jgħaddi xi ħadd wara l-ħin tax-xogħol, isibek miftuħ. Ġurnata wara oħra hekk kont nagħmel u għall-grazzja t’Alla, wasalt fejn wasalt illum il-ġurnata.
Ftaħt it-tielet ħanut tiegħi biex kabbart u llum ninsab imdawwar bi tliet artisti oħra ta’ talent u sapport, barbier bravu u ambizzjuż kif ukoll disinjatur Malti tal-ħwejjeġ li huwa innovattiv u kreattiv. L-iktar ħaġa importanti f’kull settur tax- xogħol huwa li qatt ma tinsa minn fejn bdejt u dejjem iżżomm saqajk mal-art. Kull individwu jitgħallem minn ieħor u m’hawn ħadd aħjar minn ħaddiehor imma b’viżjoni differenti!