Tuesday, October 21, 2025

Sforz akbar għall-qerda tal-faqar 

Aqra wkoll

F’dinja li llum hija kkaratterizzata minn livell ta’ żvilupp ekonomiku bla preċedent, b’mezzi teknoloġiċi avvanzati u riżorsi finanzjarji bla qies, il-fatt li miljuni ta’ persuni madwar id-dinja kienu u għadhom jgħixu f’faqar estrem huwa skandlu morali. Il-faqar mhuwiex biss kwistjoni ekonomika, iżda pjuttost fenomenu multidimensjonali li jinkludi n-nuqqas kemm ta’ dħul kif ukoll tal-kapaċitajiet bażiċi biex wieħed jgħix b’dinjità. 

Persuni li jgħixu fil-faqar aktarx li jgħaddu minn ħafna deprivazzjoni u ċaħdiet relatati li jżommuhom milli jirrealizzaw id-drittijiet tagħhom u u minħabba f’hekk jipperpetwaw futur fil-faqar tagħhom.

Skont il-Ġnus Maqgħuda, dawn id-deprivazzjonijiet jinkludu l-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol, akkomodazzjoni insikura, nuqqas ta’ ikel nutrittiv, aċċess mhux ugwali għall-ġustizzja u aċċess limitat għall-kura tas-saħħa. Ma jfissirx li m’hemmx ċirkustanzi oħrajn. Altru minn hekk. Il-faqar għandu ħafna wċuħ.

In-Nazzjonijiet Unitit immarkat is-17 ta’ Ottubru ta’ kull sena bħala l-Jum Internazzjonali għall-Eradikazzjoni tal-Faqar. Lura fl-1987, aktar minn mitt elf ruħ inġabru fit-Trocadéro f’Pariġi, fil-post fejn kienet ġiet iffirmata d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-1948, biex jonoraw il-vittmi tal-faqar, il-vjolenza u l-ġuħ.

Hemmhekk l-eluf ta’ nies miġbura pproklamaw li l-faqar huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem u affermaw il-ħtieġa li jingħaqdu flimkien biex jiżguraw li dawn id-drittijiet jiġu rispettati.

Dawn il-konvinzjonijiet huma mnaqqxa f’ġebla kommemorattiva li ġiet żvelata f’dan il-jum. Minn dakinhar, nies minn kull sfond, twemmin u oriġini soċjali jinġabru kull sena fis-17 ta’ Ottubru biex iġeddu l-impenn tagħhom u juru s-solidarjetà tagħhom mal-foqra. 

Is-17 ta’ Ottubru kien ġie ddikjarat bħala l-Jum Internazzjonali għall-Eradikazzjoni tal-Faqar permezz tar-riżoluzzjoni 47/196 tat-22 ta’ Diċembru 1992, meta l-Assemblea Ġenerali stiednet lill-Istati kollha biex jiddedikaw il-Jum għall-preżentazzjoni u l-promozzjoni, fil-kuntest nazzjonali, ta’ attivitajiet konkreti fir-rigward tal-eradikazzjoni tal-faqar u l-miżerja.

Il-bini ta’ futur sostenibbli jirrikjedi li nintensifikaw l-isforzi tagħna lejn il-qerda tal-faqar estrem u d-diskriminazzjoni, u li niżguraw li kulħadd ikun jista’ jeżerċita bis-sħiħ id-drittijiet umani tiegħu. Il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nies li jgħixu fil-faqar, partikolarment fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom u l-komunitajiet tagħhom, trid tkun fiċ-ċentru tal-politiki u l-istrateġiji biex nibnu futur globali sostenibbli.

B’dan il-mod, nistgħu niggarantixxu li l-pjaneta tagħna u s-soċjetajiet tagħna jkunu jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet u jilħqu l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd għal din il-ġenerazzjoni u għal dawk futuri.

Għalhekk, huwa xieraq li n-nies kollha jingħaqdu flimkien biex itemmu l-faqar u d-diskriminazzjoni sabiex jinbena futur sostenibbli fejn il-bżonnijiet tal-preżent jiġu sodisfatti mingħajr ma tiġi kompromessa l-abbiltà tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom stess.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport