Sunday, December 22, 2024

“Sforz biex fid-disa’ snin li jmiss il-ħaddiema jkollhom pagi aħjar”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Finanzi u x-xogħol Clyde Caruana indirizzaw laqgħa ta’ konsultazzjoni qabel il-budget 2022. Din kienet ir-raba’ minn fost sitt laqgħat li fihom il-pubbliku qiegħed jingħata l-opportunità li jressaq il-proposti tiegħu lill-Ministru Caruana biex jevalwahom.

Il-Prim Ministru Robert Abela beda l-indirizz tiegħu f’Ħal Qormi billi tkellem dwar l-importanza tal-ekonomija biex il-gvern ikun jista’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Abela tkellem dwar l-importanza tax-xibka ta’ benefiċċji li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura. Fakkar li dan il-gvern wiret realtà ta’ ħafna nies li jgħidu li ma jaqbililhomx joħorġu jaħdmu, iżda gvern Laburista introduċa skemi tal-making work pay. Tkellem dwar l-iskemi li għenu biex il-benefiċċji soċjali għal dawn li jagħżlu li jmorru jaħdmu jibqgħu jingħataw fuq medda ta’ xhur. Ic-child care b’xejn li joffri pajjiżna kien ifisser li kellek realtà ta’ ġenituri li ma setgħux jaħdmu minħabba uliedhom, iżda issa qegħdin jaħdmu.

“Ħadna deċiżjonijiet biex inwieżnu lill-batut”

Il-Prim Ministru Robert Abela

Fejn jidħol il-housing dan il-gvern beda b’sussidju tal-kirjiet ta’ wara l-1995. Hawnhekk il-gvern telaq mal-prinċipju li n-nies ma jistgħux jonfqu aktar milli jaqilgħu. Wara il-gvern indirizza l-kirjiet ta’ qabel l-1995 u hawn il-gvern qiegħed jagħti sa €10,000 fis-sena lil individwi li kellhom dawn il-kirjiet.

Matul il-pandemija, gvern Laburista seta’ jagħżel l-awsterità, iżda fl-aktar mument diffiċli għażel li jsostni lill-familji Maltin u Għawdxin. Hawnhekk ma naqasx milli jsemmi s-sapport ekonomiku bħalma huma l-Covid Wage Suppliment, il-pjan ta’ riġenerazzjoni, il-vawċers, roħrs fil-prezz tal-fjuwil, inċentiv fuq il-kontijiet tal-enerġija tan-negozji u traħħset it-taxxa tal-bejgħ tal-proprjetà biex illum ġie ppubblikat rapport li jgħid li f’sena ta’ pandemija l-faqar baqa’ jonqos.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li t-tema hija l-ekonomija u dan il-gvern irnexxielu jkabbar il-kredibbilità tiegħu fl-ekonomija b’mod speċjali madwar dawn l-aħħar sena u nofs.

Caruana qal li ħaddieħor għadu għaddej fil-maltemp, iżda aħna baħħara b’kaptan tajjeb (b’referenza għall-Prim Ministru Robert Abela) konna, għadna u se nkunu aktar b’saħħitna quddiem l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.

Caruana qal li mal-ħatra tiegħu Robert Abela kellu jaffaċċja sfidi kbar li ġabet magħha l-pandemija, iżda llum tkellmu nies li mhux talli għadhom jimpjegaw, iżda qegħdin isibu problema biex jimpjegaw.

Il-Ministru qal li fil-jiem li ġejjin il-gvern se jkun qiegħed jippreżenta l-politika nazzjonali għall-qasam tax-xogħol għad-disa’ snin li jmiss u jrid li jibni kredibbilità li dawk in-nies li ħarġu jaħdmu se jkollhom pagi aħjar.

Caruana qal li minkejja ċ-ċokon tiegħu pajjiżna qiegħed ikompli jinvesti fil-ħaddiema tiegħu li qegħdin ikomplu jkabbru l-ekonomija. Huwa qal li l-budget li jmiss ma kienx ikun possibbli li kieku l-Prim Ministru ma ħax id-deċiżjonijiet li kellu jieħu u kompla jinvesti fin-nies.

Ekonomija

Sport