Il-problema tad-droga ġġib magħha bosta sfidi u tmiss il-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni madwar id-dinja kollha. Għalhekk, huwa xieraq li llum, li qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji Kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar ta’ Sustanzi lleċti nagħmlu ftit riflessjonijiet dwar id-dimensjoni tal-abbuż mid-droga. Bla dubju li għandhom ikomplu jsiru aktar sforzi biex kemm jista’ jkun in-nies, speċjalment iż-żgħażagħ, ma jersqux lejn il-vizzju u l-abbuż tad-drogi.
Irridu nirrikonoxxu l-fatt li l-Gvern dejjem ħa passi ‘il quddiem f’dan ir-rigward, saħansitra anke leġiżlattivi bil-għan li kemm jista’ ikun ibegħdu lin-nies, speċjalment lil dawk li għadhom żgħar fl-età mill-vizzju ikraħ u qerriedi tad-droga. Minbarra ħidmet il-Gvern f’dan ir-rigward, ma nistgħux ma’ nsemmux il-ħidma bla limitu li twettaq il-Caritas Malta, fosthjom is-sehem kruċjali fir-riabilitazzjoni ta’ dawk li nrikbu mill-vizzju.
Għalhekk il-Caritas jixirqilha kull tifħir u apprezzament għall-isforzi tagħha u s-servizzi li toffri lill-vittmi tad-droga, inkluż terapija bla ħlas minn professjonisti li qegħdin għas-servizz ta’ kull minn għandu bżonn l-għajnuna. Il-Caritas narawha ta’ spiss preżenti u attiva favur kull persuna li tħoss li qatgħet qalbha milli toħroġ mill-vizzju tad-droga.
Jidher ukoll li l-miżuri li qed jittieħdu, qed iħallu l-frott mixtieq tant li qed jiżdiedu dawk li qed jidħlu għal programm ta’ riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga u jlestuh b’suċċess u jagħtihom iċ-ċans jerġgħu jintegraw fil-komunità li jagħmlu parti minnha.
Il-Gvern ukoll kompla jsaħħaħ il-kooperazzjoni ma’organizzazzjonijiet mhux governattivi bil-għan li jtejjeb il-qagħda soċjali Maltija. Fil-fatt, ġie estiż il-ftehim soċjali mal-Fondazzjoni Caritas, sabiex tkompli tmexxi b’mod effettiv il-Komunità Terapewtika f’San Blas. Ġw allokat €6 miljun, żieda ta’ €1.75 miljun fuq il-ftehim preċedenti, li turi għajnuna ser tkun qed tassigura li tingħata terapija lil diversi persuni waqt perjodu ta’ rijabilitazzjoni. Kellu rġun id-Direttur ta’ Caritas, Anthony Gatt f’dak li qal li għal darba oħra l-Gvern sema’ t-talba li Caritas għamlet is-sena li għaddiet sabiex ikun hemm żieda fil-ftehim soċjali sabiex ikunu riflessi anke ż-żidiet li ngħataw lill-ħaddiema tas-servizz pubbliku.
Minn San Blas jiġi offrut servizz t’appoġġ ibbażat fil-komunità fejn persuni jingħataw pjan personali bil-għan li jegħlbu l-problema relatata mad-droga. Jingħata wkoll servizz t’appoġġ lill-membri tal-familja u persuni oħra importanti għal dawn il-klijenti.
Dmirna hu li nibqgħu nħeġġu sabiex inizjattivi bħal dawn ikomplu għaddejjin, anke fid-dawl tal-fatt li l-ammont ta’ nies li qegħdin jersqu ’l quddiem qed ikun wieħed sostanzjali. Huwa fatt ukoll li l-parti l-kbira tad-droga kkunsmata f’pajjiżna hija impurtata u għalhekk huwa imperattiv li l-awtoritajiet jibqgħu viġilanti u jissoktaw fil-ħidma tagħhom, diffiċli kemm hi diffiċli, biex jipprevenu kemm jistgħu milli d-droga, f’kull xorta tagħha, tidħol Malta.