Saturday, November 23, 2024

SFORZI BIEX JONQSU L-ABBUŻI MID-DROGA

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu f’pajjiżna wkoll fakkarna l-Jum Dinji kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar Illeċtu tagħha. F’dan il-kuntest, aktar minn qatt qabel, illum qegħdin jittieħdu passi, anki leġiżlattivi, sabiex kemm jista’ jkun ibegħdu lin-nies, speċjalment liż-żgħażagħ mill-vizzju u l-abbuż tad-drogi.

F’dawn il-miżuri, ma jistax jonqos li l-Caritas għandha sehem kruċjali. Għalhekk ma nistgħux ma nfaħħrux u ma napprezzawx l-isforzi tagħha u s-servizzi li toffri lill-vittmi tad-droga, inkluż terapija bla ħlas minn professjonisti li qegħdin għas-servizz ta’ kull minn għandu bżonn l-għajnuna. Il-Caritas narawha ta’ spiss preżenti u attiva favur kull persuna li tħoss li qatgħet qalbha milli toħroġ mill-vizzju tad-droga.

Jidher ukoll li l-miżuri li qed jittieħdu, qed iħallu l-frott mixtieq tant li qed jiżdiedu dawk li qed jidħlu għal programm ta’ riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga u jlestuh b’suċċess u jagħtihom iċ-ċans jerġgħu jintegraw fil-komunità li jagħmlu parti minnha.

Ilbieraħ, waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni minn Caritas Malta għal dawk li temmew b’suċċess dan il-programm smajna bi stejjer ta’ nies li kellhom dipendenza kbira fuq id-droga u oħrajn li qattgħu snin twal il-ħabs minħabba d-droga.

B’determinazzjoni u rieda soda d-disa’ individwi rnexxielhom jirbħu fuq din il-problema tant li llum il-ġurnata, wara vjaġġ twil ta’ rkupru, waslu fejn kellhom jaslu.

Irridu nirrikonoxxu li dak li għamlu dawn l-individwi huwa pass kuraġġuż, u li rrikjeda ħafna sagrifiċċji. Imma wieħed dejjem għandu jibqa’ jħares ’il quddiem u jemmen li b’dak li se jagħmel, meta jidħol f’dan il-programm, se jservi ta’ ġid kbir għalih u anke għal dawk ta’ madwaru.

Quddiem dan kollu, nibqgħu nħeġġu sabiex inizjattivi bħal dawn ikomplu għaddejjin, anke fid-dawl tal-fatt li l-ammont ta’ nies li qegħdin jersqu ’l quddiem minħabba s-sustanzi qed ikun wieħed sostanzjali.

Huwa fatt ukoll li l-parti l-kbira tad-droga kkunsmata f’pajjiżna hija impurtata u għalhekk huwa imperattiv li l-awtoritajiet jibqgħu viġilanti u jissoktaw fil-ħidma tagħhom, diffiċli kemm hi diffiċli, biex jipprevenu kemm jistgħu milli d-droga, f’kull xorta tagħha, tidħol Malta.

Sport