“Fuq l-ajruplan tlajna jiena, pulizija ieħor u suldat… qalbi għamlet tikk. Qabel ma titla’, ħlief riħa ta’ ħruq ta’ iġsma ma xxommx. Bejn u bejn ruħi għidt ‘Alla jibgħatha tajba’. Malli tlajna fuq ix-xena baqgħet f’moħħi għal żmien u żmien twil ħafna u kultant għadni noħlom fuqha. Ġib quddiem għajnejk kemm huwa żgħir ajruplan minn ġewwa… kulħadd kien għadu fuq is-seat u ħafna minnhom kienu għadhom marbuta biċ-ċinturin b’idejhom ‘l fuq u s-swaba’ mgħawwġa, suwed faħma. Kollox maħruq u r-riħa tant kienet dejqitni li fil-fatt, meta nżilt u mort lura d-dar, l-uniformi armejtha. Tant kien hemm riħa ta’ laħam maħruqa li neħħejtha. Ma ridthiex”.
Iddikjara dan lil IT-TORĊA l-eks Pulizija Joseph Borda li llum laħaq l-età ta’ 72 sena u nannu. Huwa għadu “jxomm ir-riħa” tal-kadavri li kien mar biex jiġbor mill-agħar ħtif ta’ ajruplani li qatt saru – dak tal-Linja Nazzjonali tal-Ajru tal-Eġittu eżattament 40 sena ilu.
“Kienu ħaduna mid-Depot l-għada li seħħ l-isfreġju. Jien kont hemmhekk fil-25 ta’ Novembru 1985 għax l-ajruplan għamel ġurnata hemmhekk, imbagħad splodewh u mbagħad morna aħna. Konna grupp u kien ġie uffiċjal u qalilna li għandu bżonn tnejn għal fuq l-ajruplan. Ħadd ma ried imur u mbagħad ipponta subgħajh lejja u lejn ieħor,” beda jirrakkonta Borda.
“Qatt ma stennejt diżastru bħal dan”
Dan l-eks Pulizija miżżewweġ lil Liljana u missier it-tlett itfal Ingrid, Angie u Wayne, kien ilu 14-il sena fis-servizz u stqarr magħna li qatt ma stenna diżastru bħal dan. “Xogħlna kien li nniżżlu l-kadavri. Magħna telgħu bl-istretchers jew x’kienu jużaw dak iż-żmien, għall-mejtin. Xogħli kien li nieħu nota ta’ x’konna qegħdin inniżlu. Fil-fatt għad għandi n-noti li kont niżżit fuq in-notebook. Minn hemmhekk konna ħadnihom f’hanger żgħir. Għamilniehom hemmhekk biex jgħarfuhom suppost imma ma nafx kemm irnexxielhom għax dak iż-żmien naħseb lanqas kellna DNA. Imma ħaduhom hemmhekk u għarfuhom mil-lista tal-passiġġieri,” kompla Borda.
Mistoqsi dwar l-aktar xena li qatt ma nesa, dan l-eks Pulizija biddel l-espressjoni ta’ wiċċu, espressjoni ta’ dieqa kbira u trawma viżibbli. Hawn qal li, “waħda li ma nista’ ninsiha qatt kienet jaħasra mara tqila b’żaqqha miftuħa u bit-tarbija barra. Dik tatni ħafna fuq ġewwa. Bqajt impressjonat ħafna. Trid tibki magħhom… Kienet esperjenza kerha ħafna li ma nixtieq lil ħadd li jgħaddi minnha. Nitakar fl-ajruplan mal-art kont tara l-passaporti, xi teddybear, bagalja u affarijiet personali tal-passiġġieri. Wieħed li bqajt niftakar kien raġel mill-Filippini li kellu qabda ċrieki tad-deheb f’subgħajh u snienu wkoll kienu tad-deheb. Allura, bla ma trid, tħares lejh għax tara ħaġa sewda faħma u mbagħad id-deheb kien impressjonani ħafna”.
Borda qal li b’kollox jaf li kienu mietu 62 persuna inkluż żewġ pirati u jaf ukoll li dan il-ħtif ta’ ajruplan huwa kkonsidrat bħala wieħed mill-agħar li qatt saru fid-dinja. Żied li, “kien żball tal-commandos Eġizzjani li ħadu l-kontroll tas-sitwazzjoni. Aħna kellna stand by l-hekk imsejħa dak iż-żmien, SMU ta’ Malta u riedu jattakkawh huma imma l-Eġittu rrifjutaw għax insistew li l-ajrupan kien proprjetà tagħhom u riedu li jieħdu ħsiebu huma. Smajt li kien hemm ukoll id-Delta Force Amerikana li kienu fil-viċin imma anke lilhom ma riduhomx. Il-Commandos Eġizzjani kienu mħarrġa mill-SAS Ingliżi u speċi kellhom esperjenza. Fil-fatt ma kellhom esperjenza xejn għax għamlu żball”.
F’dan l-anniversarju l-eks Pulizija Joseph Borda għadda messaġġ biex niftakru dawk il-vittmi kollha li mietu kif ukoll fil-familjari tagħhom “għax kieku llum, dawk it-tlett itfal mejta li niżżilt jien jaħasra, kieku ara kemm għandhom żmien illum u kieku qegħdin igawdu l-ħajja imma, kellhom imutu mewta traġika”.

