Tuesday, May 14, 2024

Sfruttat mill-vulnerabbiltà tiegħu u żżewġitu biex tikseb iċ-ċittadinanza

Aqra wkoll

Imħallef laqa’ t-talba ta’ raġel għad-divorzju wara li semgħet kif iż-żwieġ tiegħu ma’ mara Marokkina ma kien xejn għajr “messa in xena” bil-għan li l-mara tipprova tikseb ċittadinanza Maltija. 

Iż-żewġ partijiet kienu żżewġu f’Ġunju tal-2000 u minn dan iż-żwieġ ma kellhomx tfal. Il-Qorti osservat li l-ebda provi ma tressqu mill-mara peress li min deher għaliha ma setgħux jintraċċawha u b’hekk kif impossibbli għalihom li jikkomunikaw magħha u jressqu l-provi.

Mix-xhieda tar-raġel irriżulta li minkejja ż-żwieġ, qatt ma kien hemm ħajja konjugali bejn il-partijiet. Kif xehed ir-raġel stess, huwa kien taħt l-effett tad-drogi fil-mument li ġie ċċelebrat iż-żwieġ bejn il-partijiet. 

Minbarra li qatt ma għexu flimkien, l-aħħar darba li kien raha kien proprju dakinhar taż-żwieġ. Jgħid li llum il-ġurnata qed jagħmel l-almu kollu tiegħu sabiex jibqa’ fit-triq it-tajba. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti preseduta mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima qalet li jidher li l-vulerabbiltà tar-raġel ġiet sfruttata bil-għan li l-mara tipprova tikseb ċittadinanza Maltija permezz taż-żwieġ tagħha miegħu li dak iż-żmien kien lest li jieħu l-flus li ġew offruti lilu.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti laqgħet it-talba tar-raġel għad-divorzju.

Sport