Tuesday, October 21, 2025

Shailey Micallef … bil-karattru tagħha wriet li l-kobor ta’ pajjiż ma jitkejjelx bil-wisa’ tiegħu fuq il-mappa, imma bil-qalb ta’ dawk li jirrappreżentawh

Aqra wkoll

Shailey Micallef irrappreżentat lil Malta fuq waħda mill-aktar pjattaformi prestiġjużi fid-dinja tal-paġent, Miss Grand International 2025, li saret fit-Tajlandja. Għaliha, dik kienet ħafna aktar minn kompetizzjoni; kienet ħolma ta’ ħajja li saret realtà – l-opportunità li turi s-sbuħija, it-talent u r-reżiljenza tal-poplu Malti fuq livell internazzjonali.

“Kbirna f’dan l-ambjent, u dejjem ħlomt li nkun fuq dawn l-istadji kbar biex inġorr isem Malta b’kburija,” kienet qalet Shailey qabel il-finali f’Bangkok. “Din l-esperjenza kienet ħafna aktar minn xi ħaġa estetika; kienet dwar kif inħossni bħala Maltija, kif inwassal il-valuri ta’ dinjità, umiltà u kunfidenza li jirrappreżentaw lil pajjiżna.”

Passat immarkat minn determinazzjoni u esperjenza

Shailey ma kinitx ġdida f’din id-dinja. Fl-2021 kienet diġà rrappreżentat lil Malta f’Miss Supranational fil-Polonja, esperjenza li kienet tifforma l-bażi ta’ dak li saret wara. “Miss Supranational kienet l-ewwel pass kbir tiegħi,” kienet tiftakar. “Tgħallimt ħafna, mhux biss dwar il-kompetizzjoni imma dwar il-paċenzja, id-dixxiplina u s-saħħa mentali li hemm bżonn f’din l-industrija. Kull pass li għamilt minn dakinhar kien bini ta’ esperjenza lejn il-ħolm tiegħi.”

Il-vjaġġ tagħha kien mimli sfidi, imma qatt ma naqset id-determinazzjoni. “Tgħallimt ma nieqafx meta jkun diffiċli, imma nżomm l-għajnejja fuq il-mira,” kienet tgħid. “Illum nista’ ngħid li kull sagrifiċċju li għamilt – minn siegħat twal ta’ taħriġ sa ġranet ta’ tħejjija bla mistrieħ – ħallas lura b’din l-opportunità straordinarja.”

Il-bilanċ bejn il-ħolm u r-realtà

Barra l-pagaent, Shailey kienet ukoll fl-aħħar sena tal-Masters fl-Accountancy. Minkejja l-iskeda impenjattiva tagħha, irnexxielha ssib bilanċ bejn l-istudju u l-ħolma tagħha. “Il-bilanċ ma kienx faċli,” kienet tistqarr. “Imma kull darba li ħassejt pressjoni, infakkart lili nnifsi għaliex qed nagħmel dan. Hija xhieda li jekk tħobb xi ħaġa tassew, tista’ tilħaqha – basta torganizza ruħek u ma taqtax qalbek.”

Għaliha, l-edukazzjoni kienet pilastru fundamentali fil-ħajja tagħha. Kienet temmen li l-intelliġenza u l-personalità għandhom ikunu parti essenzjali minn dak li joffri paġent modern. “Il-bellezza mhijiex biss dak li jidher minn barra,” kienet tgħid. “Hi wkoll kif taħseb, kif tħoss, u kif tgħin lil ħaddieħor.”

Il-vjaġġ lejn it-Tajlandja

Meta waslet fit-Tajlandja, Shailey kienet emozzjonata u gratissima. “Kien vjaġġ twil imma ta’ emozzjoni kbira,” kienet tgħid b’tbissima. “Meta wasalt, ħassejtni onorata li ninsab hemm. Kienet esperjenza sabiħa ħafna, fejn mhux biss ltqajt ma’ mudelli ta’ livell għoli mid-dinja kollha, imma wkoll kelli l-opportunità nikber fuq livell personali.”

Kull ġurnata fit-Tajlandja kienet lezzjoni ġdida. Minn taħriġ intens, sessjonijiet ta’ intervisti u preżentazzjonijiet, sal-parati u attivitajiet kulturali, Shailey ħadet kollox b’serjetà u dedikazzjoni. “Kienet esperjenza ta’ livell barra minn hawn,” kienet tgħid. “Meta tkellimt ma’ nisa minn kulturi differenti, fhimt kemm aħna differenti imma fl-istess ħin ngħixu ħolm wieħed. Hemm ħafna rispett u solidarjetà f’din il-komunità.”

Il-valuri li mexxewha

Matul il-kompetizzjoni, Shailey baqgħet iffukata fuq il-valuri li emmnet fihom: dinjità, umiltà u fiduċja. “Il-preparazzjoni tiegħi ma kinitx biss fiżika,” kienet tispjega. “Kienet ukoll mentali u emozzjonali. Kull pass fuq dik il-palk irrid li jirrifletti l-valuri Maltin. Ridt inkun leħen li juri kemm pajjiżna hu żgħir fid-daqs imma kbir fil-qalb.”

Hija ħadmet fuq kull dettall – mid-diskors tagħha, għall-libsa, sal-mod kif timxi. “Għandi ċans uniku li nirrappreżenta mhux biss lili nnifsi imma pajjiż sħiħ, għalhekk ridt nagħmel kollox b’kura u rispett.”

Rwoli soċjali u impenn lejn il-komunità

Apparti l-paġent, Shailey kienet ukoll Ambaxxatriċi taż-Żgħażagħ għall-Malta Trust Foundation. Din il-kariga tatilha pjattaforma biex tgħolli leħinha għal kawżi li temmen fihom. “Kienet opportunità li ngħin lil ħaddieħor u li nuża l-vuċi tiegħi b’mod pożittiv,” kienet tgħid. “Il-Malta Trust Foundation taħdem fuq inizjattivi li jindirizzaw il-faqar u l-vulnerabbiltà, u jiena kburtissima li nista’ nkun parti minnha.”

Shailey kienet temmen li s-sbuħija vera tinsab fil-mod kif persuna tħares lejn id-dinja u kif tagħti lura. “Kull esperjenza f’din il-ħajja, anke dik fuq il-palk, tista’ tkun mezz biex tagħmel impatt reali fuq ħaddieħor.”

Tkabbir personali u esperjenza unika

Il-ġranet fit-Tajlandja għall-kompetizzjoni kienu mimlijin emozzjoni, taħriġ u memorji li żgur tibqa’ tgħożż. “Kull mument kien speċjali,” kienet tgħid. “Minn meta wasalt sal-aħħar ġurnata, ħassejtni parti minn familja globali. Kienet esperjenza li kbirt ħafna fiha fuq livell personali.”

Shailey żiedet li s-sbuħija ta’ dawn il-paġenti ma tinsabx biss fir-rebħ, imma fil-proċess kollu. “Kien sabiħ li tara kemm hemm nisa b’saħħithom, b’istorji differenti, kollha miġbura biex jispiraw lil xulxin. Din kienet lezzjoni fil-ħajja li ma tintesiex.”

Ħarsa lejn dak li ġej

Wara l-esperjenza fit-Tajlandja, Shailey ħadet magħha sens ta’ gratitudni u maturità ġdida. “Din kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti,” kienet tgħid. “Nħossni onorata li ġejt magħżula u kburtissima li ġibt isem Malta fuq dan il-livell.”

Meta ġiet mistoqsija x’kien fadlilha għal dik is-sena, weġbet b’umiltà:

“Nixtieq inkompli ngħin lil ħaddieħor, inħeġġeġ lil iżgħar minni biex jemmnu fihom infushom, u ntemm l-istudji tiegħi b’suċċess. Din il-kompetizzjoni għallmitni ħafna dwar ix-xogħol, is-sagrifiċċju u l-gratitudni.”

Malta kburija biha

Miss Grand International 2025 kienet it-13-il edizzjoni tal-kompetizzjoni, li saret fit-18 ta’ Ottubru f’Bangkok. Fost 77 pajjiż li ħadu sehem, Malta kienet preżenti grazzi għal Shailey Micallef, li bil-karattru tagħha wriet li l-kobor ta’ pajjiż ma jitkejjelx bil-wisa’ tiegħu fuq il-mappa, imma bil-qalb ta’ dawk li jirrappreżentawh.

“Thailand, get ready – Malta is coming with heart, passion, and pride!” kienet kitbet qabel it-tluq tagħha. U tassew hekk kien – għax Shailey ġabet magħha dik il-passjoni u l-enerġija li tagħmel lil Malta tidher akbar minn qatt qabel.

“Lil kull min għandu ħolma, tħallux l-ebda sfida twaqqafkom. Tħallux ħadd idawwal id-dawl tagħkom,” kienet il-messaġġ tagħha wara l-kompetizzjoni – kliem li jkompli juri l-qawwa, il-kuraġġ u l-ispirtu ta’ mara li rrappreżentat lil Malta b’qalb kbira.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport