Sunday, November 10, 2024

Sħana u nirien għadhom jaħkmu l-kontinent Ewropew

Aqra wkoll

Minkejja li r-rekords ta’ temperaturi sħan tbaxxew, il-pumpiera għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ nirien kbar u intensi hekk kif ħafna nħawi fl-Ewropa tal-Punent għadhom għaddejjin minn mewġa ta’ sħana qawwija.

Ir-Renju Unit, normalment huwa mdorri bi klimi aktar ħafifa, ra temperaturi ta ‘aktar minn 40C (104F) għall-ewwel darba.

Il-Ġermanja rat l-aktar jum sħun tas-sena s’issa filwaqt li l-Portugall għolla n-numru ta’ mwiet wara jiem ta’ sħana kbira.

Is-sħana estrema ta’ bħalissa qed tikkawża wkoll nirien mifruxa u qerrieda kważi madwar il-kontinent Ewropew tant li l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti (WMO) wissiet li l-agħar għadu ġej.

Il-mewġiet tas-sħana saru aktar spissi u aktar intensi u qed idumu aktar minħabba t-tibdil fil-klima kkaġunat mill-azzjoni tal-bniedem. “Fil-futur dawn it-tipi ta’ mewġ tas-sħana se jkunu normali u se naraw estremitajiet saħansitra aktar b’saħħithom,” qal il-kap tal-WMO Peterri Taalas.

Minbarra temperaturi rekord fir-Renju Unit, diversi servizzi tat-tifi tan-nar iddikjaraw inċidenti kbar wara żieda fin-nirien.

F’Wennington, fil-Lvant ta’ Londra, in-nirien resqu viċin saħansitra d-djar u r-residenti li kellhom jiġu evakwati qalu lill-BBC li xi djar u possibilment knisja lokali nqerdu fin-nirien li ġew deskritti minn pompier fuq il-post  bħala “infern assolut”.

Għalkemm l-ogħla livell ta’ kull żmien għal Franza kontinentali ma ntlaħaqx, nhar it-Tnejn li għadda 64 żona differenti fi Franza rreġistraw temperaturi għoljin rekord.

Fil-Lbiċ tal-pajjiż ħakmu l-akbar nirien selvaġġi f’aktar minn 30 sena. Mit-12 ta’ Lulju l’hawn, in-nirien ħakmu aktar minn 20,300 ettaru fir-reġjun ta’ Gironde fejn kważi 37,000 persuna kellhom jiġu evakwati minn djarhom.

Fortunatament, temp aktar frisk issa reġa’ qed jinħass fir-Renju Unit u Franza.

Sport