Sunday, November 24, 2024

Shanghai bi twissija oħra minħabba sħana estrema

Aqra wkoll

Għat-tielet darba matul dan is-sajf l-Awtoritajiet Ċiniżi f’Shanghai ħarġu twissija dwar sħana estrema li qiegħda tħakem lil din l-iktar belt popolata tal-pajjiż. Ir-residenti ta’ din il-belt, li b’kollox jammontaw għal madwar 25 miljun, qegħdin jingħataw parir biex kemm jista’ jkun ma joħorġux mid-dar filwaqt li l-qasam tal-kostruzzjoni beda jaħdem b’sigħat imnaqqsa. Dan kollu qiegħed iseħħ hekk kif fis-sigħat li ġejjin it-temperatura mistennija li tilħaq minn tal-inqas l-40oC.

Fl-aħħar ħamest ijiem Shanghai ħarġet tliet twissijiet ħomor tat-temp. Din hija xi ħaġa rari ħafna meta wieħed iqis li mill-1873 sal-lum kien hemm biss 17-il każ fejn inħarġu twissijiet bħal din. Nhar l-Erbgħa li għaddiet it-temperatura mmarkat 40.9oC li huwa fuq l-istess livell tar-rekord ta’ Lulju tal-2017. 

Dan it-temp sħun ħafna qiegħed jolqot fi żmien meta għadd ta’ distretti f’Shanghai qegħdin jagħmlu testijiet tal-massa minħabba każijiet tal-Covid-19. Bosta huma dawk il-ħaddiema li qed jagħmlu t-testijiet li qalu li s-sħana qiegħda tagħmel ix-xogħol tagħhom insapportabbli u dan hekk kif huma xorta waħda jkollhom jilbsu l-ilbies protettiv minn rashom sa saqajhom. 

Sport