Fil-belt Ċiniża ta’ Shanghai tneħħew numru kbir ta’ tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 wara tmien ġimgħat ta’ lockdown, u b’hekk issa t-trasport pubbliku reġa’ beda jiffunzjona u n-nies m’għandhomx bżonn iktar permess speċjali biex ikunu jistgħu joħorġu minn djarhom.
Tajjeb li jingħad li t-tnaqqis fir-restrizzjonijiet japplika biss għal dawk iż-żoni fejn hemm riskju minimu. Ir-residenti ta’ din iż-żona xorta waħda jridu jilbsu l-maskri u huma mħeġġin biex ma jiltaqgħux fi gruppi kbar. Minkejja t-tnaqqis fir-restrizzjonijiet, ir-restoranti xorta waħda għadhom magħluqin filwaqt li l-ħwienet qed joperaw b’inqas ħaddiema.
Apparti hekk, l-iskejjel fetħu parzjalment fuq bażi volontarja filwaqt li s-swali taċ-ċinema u l-gyms se jibqgħu magħluqin.
Dan kollu qiegħed iseħħ hekk kif il-każi ġodda naqsu sew minn April ’l hawn u b’hekk il-ħajja qiegħda terġa’ lura għan-normal.