Tuesday, December 23, 2025

Shape your space – Iż-żgħażagħ fuq quddiem tal-konsultazzjoni pubblika dwar parks nazzjonali

Aqra wkoll

Żgħażagħ mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ(KNZ), l-organizzazzjoni studenteska SACES u l-Youth Advisory Forum (YAF) iltaqgħu mal-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u ċ-Chief Operations Officer ta’ Project Green, il-Perit Beverley Costa sabiex flimkien jiddiskutu proposti ta’ kif il-White Rocks jista’ jinbidel f’park nazzjonali, minn nies għan-nies.

Din il-laqgħa hija waħda minn sensiela ta’ laqgħat li qed jiġu organizzati bit-tema ‘Shape your space’ bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħolqien ta’ parks nazzjonali fil-White Rocks, Fort Campbell u Manoel Island. Bħalissa l-konsultazzjoni qed tiffoka fuq il-White Rocks f’Pembroke, fejn diġà ġew involuti studenti minn tlett skejjel u r-Reġjun Lvant flimkien ma’ wħud mil-lokalitajiet tal-madwar.

Il-White Rocks huwa maqsum fi tlett żoni: (i) il-bini (ii) il-kosta u mixed garigue (iii) u art agrikola. F’taħdita miftuħa, iż-żgħażagħ tkellmu u ddiskutew ideat differenti ta’ kif il-dawn iż-żoni jistgħu jinbidlu f’park li jgħaqqad flimkien l-arti, l-isports, kunċetti ta’ farm-to-fork, kulturi u sub-kulturi differenti man-natura. B’daqs ta’ 369,000 metru kwadru, u strutturi li jokkupaw 38% tal-art, iż-żgħażagħ spjegaw kif jeżisti potenzjal li s-sit iservi bħala spazju ta’ rilassament, b’żoni li jindirizzaw l-edukazzjoni ambjentali u fejn l-aspett kummerċjali jiġi adattat għall-ispazju naturali. Hawnhekk ġie ssuġġerit li l-użu tal-enerġija jkun sostenibbli.

Issemma wkoll kif governanza tajba tas-sit hija importanti sabiex il-park jibqa’ spazju sigur għal kulħadd u joffri opportunità ta’ użu lil kulħadd. Iż-żgħażagħ enfasizzaw l-importanza ta’ mezzi ta’ trasport differenti li jwassluk lejn il-White Rocks, b’użu kemm tal-art kif ukoll il-baħar. Hawnhekk issemma kif soluzzjoni ta’ park and ride, servizzi ta’ shuttle u konnessjonijiet diretti minn postijiet bħall-Università ta’ Malta jagħmlu l-ispazju aktar aċċessibbli.

“Iż-żgħażagħ tagħna mhumiex biss stakeholder importanti, imma imsieħba ewlenin f’dawn il-proġetti. L-ideat, l-enerġija u l-impenn tagħhom huma essenzjali biex niffurmaw il-proposti biex ikunu tassew minn nies għan-nies. F’din il-laqgħa smajt ħafna ideat tajbin u proposti differenti u nħares ’il quddiem biex inkomplu nibnu fuqhom,” qalet il-Ministru Miriam Dalli f’reazzjoni wara l-laqgħa.

Il-Perit Beverley Costa saħqet li “L-ideat innovattiva taż-żgħażagħ jgħinuna nfasslu spazju olistiku għan-nies ta’ kull età, b’din il-konsultazzjoni dan il-proġett jistgħu jieħu forma ta’ spazju b’diversi użu, waqt li jibqa’ jservi nies illum u fil-ġejjini.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport