Friday, December 27, 2024

Sheikh Jassim jirtira mill-proċess biex jixtri lil Manchester United

Aqra wkoll

Il-bankier tal-Qatar, Sheikh Jassim bin Hamad Al Thani, irtira mill-proċess biex jixtri lill-club ta’ Manchester United.

Sheikh Jassim kien offra £5 biljun għal dan ix-xiri iżda t-taħditiet matul l-aħħar jiem fallew bil-kbir. 

Il-familja Glazer, li xtrat lill-club tal-United għal £790m fl-2005, ħabbret f’Novembru 2022 li kienu qed jikkunsidraw li jbigħu.

Ineos Group,  li s-sid tiegħu huwa l-Ingliż Sir Jim Ratcliffe, kien l-offerent ewlieni l-ieħor iżda riedu biss sehem ta’ kontroll.

Iċ-ċifri f’Marzu wrew li r-Red Devils kellhom dejn ta’  £969.6 miljuni permezz ta’ taħlita ta’ dejn, self bankarju u ħlasijiet ta’ trasferiment pendenti ma’ ħlasijiet assoċjati oħra. 

Sadanittant,  Ratcliffe kien qed jikkunsidra jekk joffrix li jixtri sehem minoritarju fil-club fi sforz biex ikisser l-impass dwar is-sitwazzjoni tas-sjieda.

It-tħabbira tal-familja Glazer is-sena l-oħra li kienu qed jikkunsidraw li jbiegħu lill-club ta’ Old Trafford, wasslet għal bosta konsorzji biex jixħtu l-offerta tagħhom iżda finalment kienu Ratcliffe u Sheikh Jassim li kellhom l-akbar offerta … li kiene ta’ £5 biljun.

Il-kamp ta’ Sheikh Jassim dejjem sostna li kien interessat biss li jixtri l-club għal kollox. Ratcliffe, intant, ried sehem ta’ maġġoranza.

Partitarji tal-United għamlu dimostrazzjonijiet kontra l-familja Glazer ġewwa u barra Old Trafford.

Bħalissa, Manchester United jinsabu fl-10 post fil-Premier League wara li tilef erbgħa mit-tmien logħbiet s’issa. Dan minbarra li sfaw megħluba darbtejn minn daqstant logħbiet fil-UEFA Champions League. 

Huwa mifhum li l-offerta ta’ Sheikh Jassim kienet tkun offerta għal kollox fi flus kontanti li kienet tneħħi d-dejn antik kollu. Kien ikun hemm ukoll aktar minn £1.4 biljun biex jiġu ffinanzjati pjani ġodda ta’ grounds, faċilitajiet ġodda ta’ ċentru ta’ taħriġ, akkwisti ta’ players kif ukoll għal proġetti ta’ riġenerazzjoni tal-komunità.

Ma kien hemm l-ebda kumment pubbliku minn xi parti partikulari dwar dan l-aħħar żvilupp.

Il-familja Glazer ukoll ma għamlet l-ebda dikjarazzjoni pubblika minn mindu nediet ir-’reviżjoni strateġika’ tagħhom f’Novembru tas-sena li għaddiet, li qalu li tista‘ twassal għal bejgħ.

Din dejjem kienet meqjusa bħala waħda minn numru ta’ għażliet iżda sempliċement billi semmewha – meta qatt ma kienu għamlu dan qabel – kabbru t-tama fost ħafna partitarji li jħossu li s-sjieda tagħhom żammet lura lill-club mill-2005 li kienu lesti li jbigħu.

Matul ix-xhur li għaddew ħarġu bosta xnigħat konfliġġenti, inkluż li l-proċess kollu kien twarrab, liema sorsi kienu ċaħdu li ma kienx il-każ.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-kap eżekuttiv tal-United, Richard Arnold, qal f’laqgħa tal-Forum tal-Partitarji: “Kulma nista’ ngħid f’dan il-mument huwa li x-xogħol għadu għaddej”.

Manchester United normalment ikunu ħarġu r-riżultati finanzjarji tagħhom ta’ tmiem is-sena 2023 sa issa.

S’issa, l-ebda data ma ġiet konfermata biex jiġu ppubblikati, mingħajr ma ngħatat l-ebda raġuni biex dan ikun aktar tard mis-soltu.

Ċifri maħruġa f’Ġunju wrew li United kienu sejrin għal dħul rekord minkejja li ma lagħbux fiċ-Champions League l-istaġun li għadda.

Fil-ġranet meta t-team ikun qed jilgħab f’Old Trafford u  dħul kummerċjali aktar b’saħħtu fisser li l-United irrevedew it-tbassir tad-dħul annwali tagħhom minn bejn £590 miljun u £610 miljun għal bejn £630 miljun u £640 miljun, li kien jegħleb dak preċedenti tagħhom ta’ £627.1 miluni fl-2019.

Ekonomija

Sport