Wednesday, August 6, 2025

Shein immultata €1 miljun fl-Italja dwar stqarrijiet ambjentali qarrieqa

Aqra wkoll

Il-kumpanija Ċiniża Shein, li tbigħ ħwejjeġ u prodotti oħra online, ġiet immultata €1 miljun mill-awtoritajiet Taljani xahar biss wara li qalgħet multa ta’ €40 miljun mir-regolatur Franċiż f’Lulju li għadda. Il-multa ġiet imposta talli għamlet stqarrijiet ambjentali “qarrieqa jew ommissivi” dwar il-prodotti tagħha. Din kienet it-tieni darba f’daqstant xhur li Shein sfat fil-mira tar-regolaturi Ewropej.

Il-messaġġi dwar is-sostenibbiltà ambjentali u r-responsabbiltà soċjali fuq il-websitte ta’ Shein kienu f’xi każijiet vagi, ġeneriċi, u/jew enfatiċi żżejjed u f’oħrajn kienu qarrieqa jew ommissivi, qalet l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Italja, AGCM.

L-AGCM mhux biss kienet kritika tal-approċċ ta’ Shein imma wkoll qalet li adottat strateġija ta’ komunikazzjoni qarrieqa rigward il-karatteristiċi u l-impatt ambjentali tal-prodotti tagħha tal-ħwejjeġ.

L-istqarrijiet ta’ Shein dwar iċ-ċirkolarità u r-riċiklaġġ tal-prodott instabu li kienu jew foloz jew għall-inqas konfużi, qalet l-AGCM, filwaqt li l-istqarrijiet tagħha li l-prodotti mill-kollezzjoni “evoluSHEIN by Design” kienu aktar sostenibbli kienu esaġerati.

Barra minn hekk, dawn l-istqarrijiet jistgħu jwasslu lill-konsumaturi biex jemmnu mhux biss li l-kollezzjoni evoluSHEIN by Design hija magħmula biss minn materjali ‘sostenibbli’, iżda wkoll li l-prodotti tagħha huma kompletament riċiklabbli – dikjarazzjoni li minħabba l-fibri użati u s-sistemi ta’ riċiklaġġ attwali, ma tirriflettix ir-realtà.

Il-multa ġiet imposta fuq Infinite Styles Services Co Ltd, kumpanija bbażata f’Dublin l-Irlanda li topera l-website ta’ Shein fl-Ewropa. 

Shein sostniet fi stqarrija illi hija saħħet il-proċessi ta’ reviżjoni interna tagħha u tejbet il-websajt biex tiżgura li t-talbiet ambjentali kollha jkunu ċari, speċifiċi, u konformi mar-regolamentazzjoni.

Il-multa Taljana tħabbret ftit aktar minn xahar wara li d-direttorat Franċiż għall-kompetizzjoni, l-affarijiet tal-konsumatur u l-prevenzjoni tal-frodi impona fuq Shein multa ta’ €40 miljun għal prattiki kummerċjali qarrieqa.

Ix-xahar li għadda l-kummissarju tal-ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Michael McGrath, esprima tħassib serju dwar it-tossiċità u l-perikli ta’ xi oġġetti li qed jinbigħu minn Shein u l-kompetitur tagħha Temu.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport