Sunday, October 27, 2024

SĦUBIJA F’UNJIN: PROTEZZJONI TAL-ĦADDIEMA MILL-ĦERBA TAL-INFLAZZJONI

Aqra wkoll

F’dawn iż-żminijiet, l-ikbar uġigħ ta’ ras għall-familji Maltin hija l-inflazzjoni – l-għoli esaġerat tal-prezzijiet inklużi oġġetti essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum. L-ikbar kawża li bħalissa qiegħda twassal għal din is-sitwazzjoni straordinarja hija bla dubju l-aggressjoni mir-Russja fuq l-Ukrajna, il-pajjiż li huwa fost l-ikbar esportaturi ta’ prodotti li minnhom isir l-ikel u l-għalf, kif ukoll prodotti tal-enerġija bħalma huwa l-gass. 

Din il-kwalità ta’ inflazzjoni mhux biss qiegħda tnaqqar ħafna minn dak li jaqilgħu l-ħaddiema, imma qiegħda ddgħajjef ukoll il-kapaċità tan-nies fl-infiq li jagħmlu għall-konsum. Il-periklu huwa li din l-inflazzjoni tista’ toħloq ċirku vizzjuż li jwassal għal riċessjoni li thedded l-impjiegi u tkompli żżid mal-inċertezzi tal-mument għall-familji Maltin.

Fir-realtà, l-aktar li jbatu u li dejjem ikunu huma li jħallsu l-prezz għall-inflazzjoni u jġorru l-piż tal-ispejjeż dejjem jiżdiedu huma n-nies li jaħdmu, in-nies tax-xogħol speċjalment dawk bi dħul baxx.

Minn ftit ilu ‘il hawn, l-iktar żewġ oqsma fl-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Konsumatur li raw żidiet kbar fil-prezzijiet tal-oġġetti tal-ħajja ta’ kuljum kienu l-enerġija u l-prodotti tal-ikel. Il-prezzijiet f’dawn l-oqsma komplew jogħlew sew u biex jittaffa l-impatt ta’ dan, il-Gvern Laburista qiegħed jerfa’ huwa l-piż billi jissussidja u jassorbi ż-żieda fil-prezz impurtat ta’ prodotti essenzjali bħall-enerġija u l-qmugħ u l-għalf.

Kieku l-Gvern ma ntervjeniex b’dan il-mod, is-sitwazzjoni għall-familji u l-konsumaturi kienet tkun ferm u ferm agħar milli hija. L-intervent tal-gvern kien kruċjali tant li l-Malta hija tieni fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bl-inqas għoli tal-prezzijiet.

Allura nistaqsu, x’qiegħed jiġri f’dan il-qasam inflazzjonarju? Għaliex qegħdin jogħlew daqshekk il-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel? Jista’ jkun li dan qed jiġri għax hawn min qegħed jgħolli l-prezzijiet hu artifiċjalment? Jista’ jkun li din is-sitwazzjoni hija riflessa fil-fatt li ftit għad hawn negozji u ħwienet li jesponu l-prezz tal-oġġetti li jkollhom fuq l-ixkafef.

Ma rridux nifthiemu li b’xi mod qegħdin inħeġġu jew ninstigaw li mmorru lura lejn iż-żminijiet tal-kontroll. Dan lanqas jekk irridu għax is-suq ħieles ma jippermiettix li jiġi disturbat imma, żgur li ma rridux li jkun hawn ġungla fil-prezzijiet li tniżżel lill-ħaddiema għarkubtejhom għax tnaqqrilhom iktar mid-dħul tagħhom. 

Biż-żamma ta’ prezzijiet stabbli ikun jaqbel għal kulħadd. Ikun jaqbel sew għall-familji, iktar u iktar għal dawk bi dħul baxx, għax ma jiddgħajfilhomx il-‘purchasing power’ u sew għan-negozji għax orħos ma jkunu l-prezzijiet akbar ikun il-konsum u iktar ikun il-qligħ. 

F’sitwazzjoni ta’ inflazzjoni bħalma hija din li qegħdin niffaċċjaw, tkabbar iktar il-bżonn ta’ protezzjoni tal-ħaddiema mill-ħerba tal-inflazzjoni. F’dan il-kuntest is-sħubija fil-unions hija kruċjali. 

Kien f’dawn l-aħħar xhur li l-General Workers’ Union (GWU) bdiet titkellem u poġġiet fuq l-aġenda nazzjonali s-sħubija fi trejdunjin ta’ l-għażla ħielsa tal-ħaddiem. Dan sar mhux biss biex titkebbes il-ġlieda kontra x-xogħol u l-pagi prekarji, iżda wkoll biex jiġi żgurat li meta l-prezz ta’ kollox jogħla, il-pagi jogħlew ukoll bl-istess ritmu.

Kienet ukoll il-GWU li ftit tas-snin ilu ipproponiet li jiġi aġġornat il-proċess ta’ kif  jitkejjel l-għoli tal-ħajja, dak magħruf bħala Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, biex minflok darba fis-sena, l-aġġustament fil-paġi jsir darbtejn, darba kull sitt xhur. B’hekk iż-żidiet fil-pagi tal-ħaddiema bħala aġġustament għall-għoli tal-ħajja jkunu jirriflettu tassew ir-realtà tal-lum.

Sport