F’avveniment li mmarka l-Jum Internazzjonali tan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza, Xjenza Malta flimkien mad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem iffirmaw ftehim bil-għan li jsaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-oqsma tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika (STEAM). Dan seħħ fl-Esplora, il-Kalkara, u ra l-parteċipazzjoni ta’ bosta studenti minn skejjel varji.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti saħaq li din il-kollaborazzjoni hija pass importanti biex il-kontribuzzjonijiet tan-nisa fis-settur xjentifiku jkunu aktar viżibbli u sostnuti. Huwa sostna li din is-sħubija hija xhieda tal-impenn tal-Gvern li jkompli jibni ekosistema tar-riċerka li tivvaluta t-talent mingħajr ebda distinzjoni, filwaqt li tiżgura li l-ħidma tan-nisa fl-oqsma STEAM isservi bħala l-pedament għall-innovazzjoni f’pajjiżna. Azzopardi Tanti spjega li permezz ta’ din l-istrateġija, Malta qed tinvesti b’mod dirett fil-kapital uman tagħha biex tassigura li s-setturi teknoloġiċi jibqgħu kompetittivi u reżiljenti. Huwa temm jgħid li l-viżjoni nazzjonali hija ċara: li l-ebda potenzjal ma jintilef minħabba barrieri soċjali u li kull tfajla f’Malta tħossha mħeġġa tagħżel ix-xjenza bħala karriera mimlija suċċessi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, saħqet li dan il-ftehim se jservi ta’ punt tat-tluq li jħeġġeġ aktar bniet jagħżlu suġġetti fix-xjenza u t-teknoloġija. Dan, fl-aħħar mill-aħħar, ser jgħin biex jitnaqqas id-distakk bejn is-sessi li għadu jeżisti f’dawn il-karrieri. Hija qalet li dan id-distakk jinstab f’kull pajjiż, iżda nnutat li l-għadd ta’ gradwati nisa fl-oqsma STEAM f’Malta huwa kemxejn ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, Buttigieg qalet li se jsiru aktar sforzi biex dan id-distakk jonqos, kif previst fl-istrateġija għall-ugwaljanza GEMSAP. Is-Segretarju Parlamentari enfasizzat l-importanza li jitkissru l-isterjotipi tal-ġeneru, in-normi soċjali u l-ostakli strutturali sabiex tinkiseb inklużività u ugwaljanza f’dawn l-oqsma ta’ studju u fil-karrieri fix-xjenza u t-teknoloġija.
L-avveniment kien indirizzat ukoll minn Dr Lydia Abela fejn enfasizzat is-sinifikat tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa u l-Bniet fix-Xjenza, kif ukoll l-importanza li jitrawmu valuri inklużivi, il-kurżità u l-opportunitajiet indaqs fl-oqsma STEAM sa minn età bikrija. Dr Abela għamlet kuraġġ lill-istudenti kollha biex jemmnu fihom infushom u sostniet li kull suġġett, inkluż dak tax-xjenza, huwa miftuħ għal kulħadd peress li kull individwu għandu talent u potenzjal kbir x’joffri. Hija spjegat li permezz ta’ messaġġi pożittivi li jinkoraġġixxu l-esplorazzjoni, qed jinħoloq ambjent fejn kulħadd iħossu milqugħ u kapaċi jirnexxi, bil-għan li jinbena futur aktar ġust u innovattiv għal pajjiżna. Dr Abela temmet tgħid li l-ugwaljanza fl-oqsma STEAM mhijiex biss kwistjoni ta’ opportunità, iżda hija wkoll turija ta’ fiduċja fil-kapaċitajiet ta’ kull wieħed u waħda minna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, Silvio Scerri, sostna li Xjenza Malta ser tibqa’ tkun strumentali f’din il-ħidma għaliex il-futur għal pajjiż aħjar jiddependi mix-xjenza.
Bħala parti mill-programm tal-ġurnata, l-istudenti preżenti kellhom l-opportunità li jsegwu sensiela ta’ intervisti interattivi ma’ nisa lokali prominenti fl-industrija li għażlu l-karriera tagħhom fix-xjenza. Dawn l-intervisti servew bħala xhieda diretta tas-suċċessi li jistgħu jinkisbu f’dawn l-oqsma. Barra minn hekk, l-istudenti esploraw l-esebiti interattivi tal-Esplora, bl-għan li din l-esperjenza sservi ta’ ispirazzjoni għal karrieri futuri fix-xjenza u t-teknoloġija.
Permezz ta’ dan il-ftehim, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u s-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, flimkien ma’ Xjenza Malta u d-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, qed ikomplu jaħdmu favur ambjent xjentifiku li joffri opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

