Saturday, December 21, 2024

Sid ta’ binja f’Għawdex ma jinżammx responsabbli talli mara waqgħet it-taraġ

Aqra wkoll

Mario Formosa, ta 45 sena miż-Żebbuġ Għawdex ma ma nżammx responsabbli għall-waqgħa ta’ mara f’sit li kien qed jitlesta f’Għawdex stess.

L-inċident kien seħħ fit-23 ta’ April tal-2022 fi Triq ta’ Xagħmann fis-Sannat. Formosa kien tressaq il-Qorti minħabba li kien hu li applika biex issir din il-binja.

Kien id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li kien informa lill-Pulizija li mara kienet waqgħet minn għoli f’Ta’ Sannat. Meta l-pulizja marru fuq il-post sabu mara fit-taraġ li magħha kien hemm bintha.

Minn investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija kien irriżulta li l-mara u bintha kienu marru fil-binja biex jaraw il-madum.Meta l-omm kienet nieżla marret biex iżżomm mal-ħajta imma waqgħet għal isfel m’għola sular għax ma kienx hemm ilqugħ mat-taraġ.

Fix-xhieda tagħha bint il-vittma qalet li kienu marru fil-binja għax Formosa kien qallhom biex imorru jaraw il-madum.Fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex irriżulta li l-mara kienet sofriet ġrieħi gravi u għal xi żmien kienet fil-periklu tal-mewt.

Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech Formosa kien akkużat li bħala applikant tas-sit naqas li jħares ir-regolamenti relatati mal-bini.

Espert li kien tqabbad mill-Qorti qal li l-post kellu jkun hemm barrikati tal-injam jew tal-ħadid biex ikun wieħed sigur.

Madankollu l-Maġistrat Jean Paul Grech ma qabilx u qal li r-regolament li Formosa kien akkużat bih jgħid b’mod ċar li l-barrikati jridu jsiru f’każijiet fejn is-sit ikun għadu qiegħed jiġi skavat. Il-Maġistrat Grech qal li l-aċess għas-sit kien magħluq u msakkar b’bieb tal-injam u għalhekk ma kienx hemm aċċess għall-pubbliku.

Fis-sentenza tiegħu hu żied jgħid li l-vittma u bintha setgħu faċilment indunaw li l-post kien f’każi ta’ kostruzzjoni u għalhekk qies li l-vittma poġġiet lilha nnifisha f’sitwazzjoni ta’ periklu meta daħlet fil-binja.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha huwa ma sabx lil Formosa ħati tal-akkużi miġjubin kontrih mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri u lliberah.

Ekonomija

Sport